Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal tliet żgħażagħ li weġġgħu serjament raġel fil-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta

Tliet żagħażagħ ammettew li taw xebgħa u ferew gravament raġel is-sajf li għadda. Ryan Agius ta’ 24 sena minn Ħ’Attard, Jake Fenech ta’ 21 sena u Joshua Alexander Taliana ta’ 20 sena, it-tnejn mill-Mosta ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li f’Lulju tas-sena li għaddiet taw xebgħa lil Raoul Vassallo.

Il-każ seħħ fit-2 ta’ Lulju tas-sena 2020 għall-ħabta tal-5.15pm. meta t-tliet żgħażagħ marru fil-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta u hemmhekk ħebbew u sawwtu lil Vassallo. Il-Maġistrat Nadine Lia, li semgħet il-provi kkunsidrat il-fatt li Aġius, Fenech u Taliana għandhom kondotta nadifa u ammettew l-akkużi.

Huma nstabu ħatja li wettqu r-reat mingħajr il-ħsieb li joqtlu jew li jqiegħdu ħajjet Vassallo f’periklu ċar, ikkaġunawlu ġrieħi gravi. Il-Qorti qieset ukoll it-talba li għamel l-uffiċjal prosekutur biex iż-żgħażagħ jingħataw piena alternattiva. Il-Qorti minbarra li kkundannathom sentenza sospiża wissiethom bi kliem ċar u sempliċi bil-konsegwenzi marbuta mas-sentenza f’każ li jwettqu reat ieħor tul dan iż-żmien.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-akkużati biex bl-ebda mod ma jersqu, jikkuntattjaw jew jimmolestaw lil Raoul Vassallo għall-perjodu ta’ ħames snin bl-iskop li tipprovdi għas-sigurtà u għall-protezzjoni tiegħu. Il_Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri.