Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha tat kumpens lis-sidien ta’ proprjetà f’Tas-Sliema talli kellhom isofru kirja protetta għal dawn l-aħħar 40 sena, f’deċiżjoni komuni u li toħroġ mit-tagħlim tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Is-sentenza kkonfermat is-somma ta’ €31,000 inklużi € 6,000 f’danni morali, minħabba liġijiet li kisru d-drittijiet fundamentali tagħhom. Il-Qorti għamlet referenza għal sentenza riċenti mill-Qorti Ewropea – Cauchi vs Malta u l-kunsiderazzjonijiet li għamlet dwar il-leġittimità tar-restrizzjonijiet li sofrew is-sidien ta’ dawn il-kirjiet protetti.
Għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-ġustifikazzjoni ħarġet minn politika soċjali mmirata lejn il-protezzjoni tal-kerrejja, il-ħtiġijiet u l-interess ġenerali li setgħu kienu jeżistu f’Malta fl-1979, meta ddaħħlet il-liġi inkwistjoni, għandhom ikunu naqsu matul it-tliet deċennji li segwew.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca għamlitha ċara li minkejja li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat b’mod ċar li l-Qorti Kostituzzjonali Maltija għandha tkeċċi l-inkwilini, il-Qrati Maltin għażlu li jippermettu li tali proċedura tiġi implimentata mit-Tribunal kompetenti.
Il-kerrej, li kien joqgħod fil-proprjetà, kien residenti hemm mill-1970 u ħallas kera annwali ta’ €221.16 fis-sena meta l-valur attwali tal-kera fis-suq għal dar bħal din kien ta’ €1400 fix-xahar, Ġie osservat li l-kera tiżdied f’termini ta’ l-emendi leġiżlattivi tal-2009 kienu għadhom “inadegwati” u ma pprovdewx lis-sidien b'”kera deċenti”.
Il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-proprjetà tas-sidien taħt il-Protokoll I tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem “waħdu” kien biżżejjed biex jiġġustifika l-kumpens pekunjarju, qal l-imħallef. L-Avukat Natalino Caruana De Brincat irrappreżenta lis-sidien.
//= $special ?>