Kważi ironika. Jekk mhux traġika.
Konferenza tal-aħbarjiet li saret il-Ħamis mill-PN dwar l-imparzjalità dwar ir-rappurtaġġ fuq ix-Xandir tal-Istat, fl-istess jum, ġiet kompletament iċċensurata mill-PBS.
Fil-fatt, il-bullettin tat-8pm fuq TVM tal-Ħamis ma ta ebda spazju għal dak li qal il-PN – lanqas 30 sekonda.
Iżda b’kuntrast, TVM sab ħin li jirraporta l-attivitajiet tal-Gvern ta’ matul il-jum.
Dan wassal biex dak li ħareġ mill-konferenza tal-aħbarjiet imtella’ mill-Oppożizzjoni dwar imparzjalità fil-konfront tal-PN fuq ix-Xandir tal-Istat, ġie kompletament injorat.
Tul din il-konferenza tal-aħbarjiet, il-Partit Nazzjonalista pprotesta għall-mod kif gurnata qabel, ix-Xandir tal-Istat għażel li jiċċensura s-sejħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għar-riżenja jew tkeċċija tal-Ministru Carmelo Abela; xi ħaġa li sal-lum ukoll baqgħet ma saritx.
Huma ħafna dawk li issa qed jistaqsu, għaliex il-PBS naqas milli jagħmel dan? Għaliex qed ikun hemm aktar indħil fl-aħbarjiet tat-8pm ta’ TVM?
Il-PBS illum jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u b’mod dirett taħt il-Ministru Carmelo Abela. Allura, ħafna qed jistaqsu jekk hemm id moħbija li qed timmanuvra l-aħbarijiet tax-Xandir Nazzjonali.
Din il-ġimgħa il-Partit Nazzjonalista ressaq protest ieħor, bit-tama li ssir ġustizzja u l-pubbliku jirċievi l-informazzjoni b’mod imparzjali, kif jixraqlu. Tul l-istess konferenza il-Partit Nazzjonalista qal li llum qabel għada jrid li l-PBS titmexxa b’mod sew u ġust għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Stqarrija tal-PN dwar dan:
Konferma oħra ta’ kemm il-PBS hu maħtuf mill-Gvern
Wara li lbieraħ il-Partit Nazzjonalista indirizza konferenza tal-aħbarijiet wara li s-sejħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għar-riżenja jew tkeċċija tal-Ministru Carmelo Abela ġiet ċensurata u ma ħarġitx waqt l-aħbarijiet tal-PBS, l-istess PBS ilbieraħ reġa naqas li jirrapporta din il-konferenza tal- aħbarijiet.
Il-PBS naqas ukoll milli jirrapporta d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament ilbieraħ jew il- Private Members Bill imressqa minn deputat tal-Oppożizzjoni fuq l-ambjent.
Dan ikompli jikkonferma kemm il-Public Broadcasting Services hu verament maħtuf mill-Gvern Laburista u qed iservi biss ta’ propoganda għalih u li għaliha qed iħallsu l-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Public Broadcasting Services li suppost hu xandir imparzjali qiegħed jintuża mill-Gvern bl-aktar mod inġust u żbilanċjat u mhux qiegħed iservi l-irwol ewlieni tiegħu li jinforma lill-pubbliku b’mod bilanċjat u saħansitra qiegħed ikompli jinjora ordni tal-Awtorità tax-Xandir, wara protest ieħor li kien għamel il-Partit Nazzjonalista, u qiegħed ikompli jisfida din l-istituzzjoni.
Għal dan il-għan il-Partit Nazzjonalista ser ikun qiegħed iressaq protest formali ieħor bit-tama li ssir ġustizzja u l-pubbliku jirċievi l-informazzjoni b’mod imparzjali kif jixraqlu.
//= $special ?>