Ambjent EURO 2020 Futbol Sport

X’se jkun l-impatt ambjentali tal-Euro 2020?

Hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kampjonati Ewropej, l-edizzjoni tal-Euro 2020 se tkun qed issir fi ħdax-il pajjiż madwar l-Ewropa, in-nazzjonijiet li se jipparteċipaw mhux se jkun allokati f’pajjiż wieħed iżda se jkunu mifruxa madwar l-Ewropa fejn se jkollhom jivjaġġaw numru ta’ sigħat sabiex jaslu fil-pajjiż li se jkun qed jospita l-partiti rispettivi.

Estadio La Catuja de Sevilla se jkun wieħed mill-istadiums li qed jospita l-partiti fil-Euro 2020

Bid-dinja kollha qed titkellem fuq it-tibdil fil-klima, dan il-fatt żgur se jkun qed iħalli impatt fuq il-klima minħabba li t-timijiet li se jipparteċipaw se jkollhom jagħmlu numru ta’ vjaġġi. Bl-itwal distanza tkun dik ta’ 4,766 kilometru minn Seville sa Baku, l-Euro 2020 mistennija tkun vjaġġ madwar l-Ewropa għall-partitarji li se jkunu qed isegwu lit-timijiet rispettivi. Partitarju tal-Iżvizzera huwa stmat li se jkun qed jagħmel 20,377 kilometru biex isegwi t-tliet partiti tal-grupp tal-Iżvizzera li se jkunu qed jilagħbu f’Baku, Ruma u Amsterdam.

Baku Olympic Stadium fl-Azerbaijan se jkun stadium ieħor li se jospita numru ta’ partiti bid-distanza bejn dan l-istadium u dak f’Seville tkun l-itwal waħda

Bosta esperti fil-qasam tat-tibdil fil-klima rrimarkaw kif irridu nnaqsu l-ivjaġġar minħabba l-ħasar ambjentali li dan jagħmel hekk kif huwa meqjus bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li qed jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima. Andrew Simms li huwa Rapid Transition Alliance co-ordinator u co-director fin-New Weather Institute, qal li l-mod kif il-UEFA ddeċidiet li torganizza dan it-tournament jikkontradixxi l-fatt ta’ dawk li qed jipprovaw inaqssu l-impatt negattiv fuq l-ambjent.