Lokali

Il-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum mis-serq fil-kontijiet tal-enerġija

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jidhirx li għandu f’moħħu jirranġa s-serq li hemm fil-kontijiet tad-dawl, li s-suppost traħħis tagħhom kien l-għajta ewlenija tal-Partit Laburista qabel ma rebaħ il-Gvern fl-2013.

Iżda minkejja li l-Awditur Ġenerali mistenni jindika li taħt Gvern Laburista, il-poplu nsteraq €50 miljun mill-kontijiet tal-enerġija, il-Kabinett s’issa għadu mhux infurmat meta se jibda jindirizza din is-sitwazzjoni.

Għalkemm ir-rapport tal-Awditur Ġenerali s’issa għadu ma nħariġx, il-Gvern Laburista ilu jaf b’dan is-serq mill-anqas minn Ottubru 2018, meta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien iddikjara fuq ix-Xandir tal-Istat li kellu jindirizza dawk li kien sejjaħ bħala “anomaliji” matul is-sena ta’ wara.

Iżda minn dik id-dikjarazzjoni għaddew tliet snin u l-Ministri fil-Kabinett ta’ Robert Abela jidhru li m’għandhomx idea meta l-Gvern se jkun qed iwaqqaf dan is-serq.

Fosthom il-Ministru Roderick Galdes, li mistoqsi dwar dan, hu insista biss li l-kontijiet illum raħsu. U dan għall-kuntrarju ta’ dak li qed iħossu eluf ta’ Maltin u Għawdxin, li għadhom qed jinsterqu sal-lum.

L-istess kantaliena tennietha l-Ministru Julia Farrugia, li wkoll qalet li l-kontijiet raħsu, għalkemm baqgħet ma weġbitx meta l-Gvern ta’ Robert Abela – li hi tifforma parti minnu – se jkun qed jindirizza dan is-serq.

U l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba jidher li m’għandux idea tal-problemi li qed jiffaċċjaw il-Maltin u l-Għawdxin bis-serq fil-kontijiet tal-enerġija. Tant hu hekk li qal li s-serq – u dak li l-eks Prim Ministru Muscat kien sejjaħ bħala “anomalija” – jinsabu biss f’moħħ il-Partit Nazzjonalista.

Dan minkejja li s’issa, eluf ta’ Maltin u Għawdxin esprimew interess fil-kawża tal-Partit Nazzjonalista biex jintraddu lura l-€50 miljun li nsterqu s’issa mill-kontijiet tal-enerġija.

Dan wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Gvern ġdid immexxi minnu se jkun qed jara li, ladarba l-Gvern ta’ Robert Abela ma jidhirx li se jagħmel dan, ikun Gvern ġdid immexxi minnu li jagħti lill-poplu dak li hu tal-poplu.