Il-Partit Nazzjonalista lest li jinvesti fl-ambjent u lest li jitreġġgħu lura l-abbużi li qed isiru minn entitatjiet governattivi u saħansitra ministeri.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ambjent, il-Kelliem tal-Opposizzjoni għall-Ambjent Robert Cutajar qal li l-PN qed jibgħat messaġġ li l-Ambjent hu priorita għal kwalita’ tal-ħajja aħjar għall-poplu Malti.
Qal li mill-Oppożizzjoni, il-PN ressaq diversi proposti konkreti, fosthom l-Abbozz ta’ Liġi sabiex titjieb it-trasparenza fl-ERA, iżda l-Gvern iddeċieda li jarmi dan l-abbozz li kellu wkoll l-appoġġ ta’ sitt għaqdiet ambjentali, ta’ numru ta’ ġurnali u saħansitra tal-eks PM Laburista Alfred Sant.
Hu faħħar lill-għaqda Nature Trust li għal dawn l-aħħar snin ittella’ l-attivita’ EkoSkola fl-iSkejjel Maltin. Awgura wkoll lil Xandru Cassar, student li se jkun ir-rappreżentant ta’ Malta fil-konferenza internazzjonali Youth for Climate u wera solidarjeta’ mal-Avukat Claire Bonello, li sfat fil-mira tal-esponent Laburista Jason Micallef talli tkellmet favur l-ambjent u kontra l-eċċessi ta’ zvilupp bla rażan.
Robert Cutajar kompla li l-Oppożizzjoni se tressaq abbozz ieħor ta’ liġi, din id-darba biex jinqata’ l-abbuż minn entitajiet governattivi u Ministeri li kull xogħol qed ikun taparsi ta’ emerġenza u jaqbżu l-ħtieġa li japplikaw għal permessi tal-Ippjanar u Żvilupp.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said qal li bħalma għamel fil-passat meta kien mill-Gvern, Partit Nazzjonalista fil-Gvern jinvesti fl-ambjent.
Chris Said irrefera b’mod partikolari għall-wegħda tal-PN li jakkwista l-art f’Ħondoq ir-Rummien sabiex din issir art pubblika. Hu qal li l-impenn tal-PN hi din l-art tinbidel f’Park Nazzjonali miftuħ għal kulħadd.
Fakkar kif Għawdex hu nieqes minn dan it-tip ta’ spażji pubbliċi u Gvern Nazzjonalista kien beda dan il-proċess billi għalaq il-miżbla fil-Qortin u beda l-proċess ta’ rijabilitazzjoni sabiex il-post, li kien ġerħa fuq l-ambjent Għawdxi, jinbidel f’Park Nazzjonali. Sfortunatament, il-Gvern Laburista ma kompliex dan il-proġett.
Chris Said appella wkoll biex il-Gvern jagħti widen għar-rapport tal-14-il Sindku tal-lokalitajiet tal-Gżira Għawdxija dwar l-iżvilupp bla rażan li qed isir f’Għawdex. Fakkar li s-Sindki elenkaw 38 rakkomandazzjoni, li uħud minnhom, jistgħu jiġu implimentati b’mod immedjat.
//= $special ?>