Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li allegatament abbuża minn tifla ta’ 12-il sena

Raġel ta’ 65 sena tressaq il-Qorti wara li ġie akkużat li abbuża sesswalment minn tifla minorenni u li kkorrompieha fil-garaxx tiegħu fiż-Żejtun.

Ir-raġel kien arrestat u qed jiffaċċja l-akkużi wara li t-tifla, ta’ 12-il sena, fetħet qalba mal-LSE tagħha tal-Iskola, li min-naħa tagħha infurmat lis-servizz tal-appoġġ tat-tfal.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Edward Gatt, li qed jidher għar-raġel, argumenta li l-Qorti tista’ teħles lill-akkużat iżda timponi kundizzjonijiet biex tevita li titbagħbas l-evidenza.

Iżda l-Ispettur Kylie Borg spjegat li sakemm l-akkużat kien arrestat, is-sieħba tiegħu ppruvat tagħmel kuntatt mal-familja tal-allegata vittma.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-akkużi serji tal-każ u minħabba l-biża’ li tintmess l-evidenza, kif ukoll għax il-każ għadu fi stadju bikri u t-tifla għadha trid tixhed.