Ambjent Lokali

L-għaqdiet jistaqsu x’inhu l-punt ta’ konsultazzjoni pubblika mill-PA meta l-poplu jiġi injorata

Numru ta’ organizzazzjonijiet esprimew ir-rabja tagħhom għall-indifferenza tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) lejn l-eluf ta’ ċittadini li oġġezzjonaw bil-qawwa kollha kontra l-proġett orrendi tad-DB Group f’Pembroke. Ir-rapport tal-case officer, maħruġ mill-Awtorità jirrakkomanda li l-applikazzjoni tad-DB tingħata l-barka tal-Bord tal-Ippjanar li se jiltaqa’ nhar il-Ħamis, 10 ta’ Ġunju fl-10am.

L-organizzazzjonijiet issottomettew l-oġġezzjonijiet tagħhom għar-rapport tal-case officer fejn qalu li din ir-rakkomandazzjoni tinjora għal kollox id-diversi punti ta’ tħassib li qajmu t-tliet Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, tas-Swieqi u ta’ San Ġiljan, kif ukoll ħafna organizzazzjonijiet u numru rekord ta’ persuni li oġġezzjonaw. L-iżvilupp propost mid-DB, fuq art li qabel kienet pubblika, jikkonsisti f’żewġ torrijiet residenzjali ta’ 17 u 18-il sular il-wieħed u lukanda ta’ 12-il sular. Dawn se jitilgħu litteralment faċċata ta’ żona residenzjali kbira f’Pembroke u eżatt ħdejn żewġ siti ta’ Natura 2000. Il-proġett se jinbena wkoll madwar u fuq żewġ siti skedati, St George’s barracks u Għar Ħarq il-Ħamiem, sistema ta’ għerien terrestri ta’ valur ġeoloġiku u ekoloġiku uniku, kif ukoll siti oħrajn ta’ valur storiku. Ir-residenzi kemm-il darba esprimew l-inkwiet tagħhom dwar id-daqs enormi u l-intensità ta’ dan l-iżvilupp sproporzjonat f’żona primarjament residenzjali kif ukoll it-tħassib tagħhom dwar kif Paceville huwa mistenni li jkun estiż u jibqa’ dieħel f’Pembroke.
L-organizzazzjonijiet staqsew ukoll x’inhu l-punt li l-PA tagħmel proċess ta’ konsultazzjoni meta mbagħad ir-reazzjoni tal-pubbliku, li f’dan il-każ kienet oppożizzjoni qawwija għal dan il-proġett minn kull naħa, tkun injorata għal kollox daqslikieku qatt ma saret.

L-organizzazzjonijiet kienu wkoll appellaw kontra l-approvazzjoni tal-Assessjar tal-Impatt Ambjentali (EIA) tal-proġett, fejn ġiet ippreżentata valutazzjoni żbaljata li la hi kompluta u lanqas sostanzjata. Per eżempju l-EIA jikkunsidra l-iskavar ta’ mina taħt is-sit ta’ Natura 2000, li mhix inkluża fl-applikazzjoni, bħala fattur mitiganti, imma jirrifjuta li jikkunsidra l-impatti ambjentali negattivi tal-mina.

L-organizzazzjonijiet qegħdin iħeġġu lill-membri tal-pubbliku biex jattendu s-seduta tal-Bord tal-Ippjanar nhar il-Ħamis 10 ta’ Ġunju biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom kontra l-proġett. Fl-2018, l-iżviluppatur ġab il-ħaddiema tiegħu biex jintervjenu waqt il-laqgħa biex taparsi hemm min irid dan il-proġett li kulħadd qiegħed jopponi. Għalhekk huwa importanti li n-nies jipparteċipaw f’din is-seduta u juru r-rabja tagħhom għall-kostruzzjoni ta’ dan il-proġett tad-DB.
L-organizzazzjonijiet, flimkien mal-Kunsilli Lokali u eluf ta’ persuni li oġġezzjonaw, huma determinati li jkomplu jopponu dan il-proġett orrend li se jħalli impatt negattiv enormi fuq livell soċjali, urban u ambjentali kemm fil-preżent kif ukoll fuq ġenerazzjonijiet futuri. 

Ikkummenta