Internazzjonali

Burkina Faso: ‘Il fuq minn 130 maqtula waqt attakk fuq villaġġ

Grupp ta’ irġiel armati attakkaw villaġġ lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Burkina Faso fejn ħallew warajhom ‘il fuq minn 130 mejtin u numru ta’ midruba.

L-attakk, fil-villaġġ ta’ Solhan, kien l-agħar wieħed għal snin f’dan il-pajjiż u l-President ta’ Burkina Faso, Roch Kabore, iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali.

Filwaqt li l-pajjiż jinsab taħt xokk, il-President ħareġ messaġġ ċar u tond li ‘il-poplu kollu jeħtieġ jirreżisti lill-qawwiet tal-ħażen’, bl-ebda grupp ma jassumi responsabbiltà għall-massakru.

Għalkemm numru ta’ gruppi armati qed jiddisassoċjaw ruħhom mill-attakk hu minnu li l-attakki mill-movimenti Iżlamiċi saru komuni ħafna f’dan il-pajjiż, b’mod partikulari qalb iz-zoni viċin il-fruntiera.

Fl-attakk fuq Solhan, l-aggressuri armati taw in-nar lil diversi djar u anki suq lokali, bis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, ukoll jesprimi għadab u niket għat-telf ta’ ħajja fuq dik l-iskala inkredibbli.

Fil-fatt, Guterres ħareġ messaġġ biex ‘jikkundanna l-attakk infami’ waqt li enfasizza l-ħtieġa urġenti biex il-komunità internazzjonali żżid b’mod sostanzjali l-appoġġ tagħha lill-Istati-membri biex dawn jirreżistu aħjar l-estremiżmu vjolenti li qed jissarraf f’telf ta’ ħajja ‘inkalkulabbli’.

Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tas-sigurtà ta’ Burkina Faso kienu qed ifittxu lill-grupp li wettaq il-massakru. Dan meta Burkina Faso – l-istess bħal diversi Stati ġirien — qed jiffaċċja kriżi tas-sigurtà dejjem akbar fejn il-gruppi armati qegħdin imexxu dejjem aktar rejds madwar ir-reġjun, bir-riżultat li aktar nies qegħdin jinqatlu jew jinħatfu mill-aggressuri.