Futbol Sport

Edward Aqulina, ġentlom tal-futbol Malti

Jitkellmu ma' Net News l-eks assistant kowċ ta' Sliema Wanderers Hugh Caruana u l-eks President ta' Valletta Joe Caruana Curran

Ftit minuti wara li ġriet l-aħbar tal-mewt tal-eks kowċ u eks player Edward Aquilina, kienu bosta li wrew is-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ dan il-ġentlom fil-futbol lokali.

Net News tkellem ma’ Hugh Caruana li kien assistent kowċ ta’ Edward Aquilina ma’ Sliema Wanderers meta fost l-oħrajn rebħu tliet darbiet konsekuttivi l-kampjonat: “L-isports kien kollox. Kien bniedem sempliċi. Il-logħba jħobha u baqa’ jirrispetta l-logħba tal-futbol anke wara l-coaching. Is-sempliċita’ tiegħu u tkun taf fejn qiegħed miegħu, dik ħaġa importanti fil-ħajja. Kien bniedem onest fix-xogħol tiegħu, fix-xogħol tal-futbol. Jien ngħid tlifna ‘gentelman’, tlifna bniedem li ma tistax ma’ tħossiex. Illum ma stajtx inniżilha, għadni kif ħriġt mid-dar issa. Jien f’kollox kont miegħu. Lgħabt kontrih, Lgħabt miegħu, konna Sliema u Floriana, u għamilna erba’ snin fil-coaching flimkien, kważi erba’ snin nitkellmu kuljum, nafu sewwa lil Edward. Meta rbaħna il-league l-ewwel darba kienet l-aktar li ħadna gost meta qabad ir-trofew u daħlu fil-vetrina u konna ddispjaċuti ħafna meta tlifna ir-raba’ league konsekuttiv, l-akbar teba’ għalih fil-futbol.”

L-eks President ta’ Valletta FC Joe Caruana Curran tkellem dwar il-memorji li kellu ma’ Edward Aquilina fejn qal: “Ovjament apparti memorji sbieħ, iġibuwli memorji ta’ suċċessi li ħafna mid-drabi hu kien il-protagonist, u l-moħħ wara ħafna mix-xogħol li sar meta kien kowċ tal-Belt. Niftakar li waħda mill-aktar affarijiet li kienet togħġobni kienet tkun is-serjetà tiegħu u l-mod ta’ kif kien iġib ruħu u ta’ kif kien rispettat minn kulħadd, ovjament hija sogħba kbira li nitkellmu dwar xi ħadd li ġie nieqes, jien personalment gawdejt mumenti sbieħ miegħu fejn se jgħinu biex wieħed jaffaċċja dan in-nuqqasb’mod aħjar. Edward kien persuna speċjali ħafna fejn niftakar li kelli relazzjoni tajba ħafna miegħu anzi kelli relazzjoni mmens tajba miegħu u għaliha kien ta’ pjaċir li ħdimt miegħu għal diversi snin. Meta niftakar fis-snin tiegħi mal-Belt, akkwistajt il-ħbiberija ta’ ġentlom inkreddibli.”