Lokali

Imut l-ikona tal-football Edward Aquilina

Pajjiżna tilef leġġenda tal-football lokali… l-eks plejer u coach, Edward Aquilina, miet il-Ħadd fl-eta ta’ 75 sena.

Persuna li ħadem fil-qrib ma’ Aquilina u li għandu bosta memorji mill-isbaħ tiegħu, bla dubju huwa l-Viċi Kap tal-PN, Robert Arrigo li kien President tal-klabb tas-Sliema tul is-snin li fihom, taħt it-tmexxija ta’ Aquilina, il-klabb kiseb diversi unuri.

Aquilina jibqa’ mfakkar għas-suċċessi miksuba ma’ Sliema Wanderers fejn rebaħ tliet kampjonati konsekuttivi bejn l-2002 u l-2005.

Edward Aquilina beda l-karriera tiegħu fl- 1960 ma’ Melita fit-Tielet Diviżjoni qabel ma ngħaqad ma’ Sliema fejn magħhom lagħab għal 15-il staġun f’żewġ perjodi differenti. Aquilina lagħab ukoll fl-Amerika ta’ Fuq ma’ Pittsburgh Phantoms fl-1967. Dan qabel ma’ ingħaqad ma’ Hibernians fejn lagħab tliet staġuni.

Matul il-karriera bħala plejer, l-eks internazzjonali Malti rebaħ seba kampjonati… sitta ma’ Sliema u ieħor ma’ Hibernians filwaqt li rebaħ l-FA Trophy tliet darbiet mal-Wanderers.

Huwa rtira fl-1979 wara li lagħab 278 partita, li fihom skorja 39 gowl. Lagħab ukoll 22 logħba fuq livell ewropew, fejn skorja tliet gowls. Dan filwaqt li libes il-flokk tat-team nazzjonal Malti 12-il darba fejn kien skorja darba.

Wara, Edward Aquilina kien coach ta’ Sliema Wanderers u Valleta fil-Kampjonat Premier, kif ukoll ta’ Qormi, Senglea Athletic u Marsa fl-Ewwel Diviżjoni.

Suċċess kbir mal-Belt bejn l-1994 u l-1998 fejn fost l-oħrajn rebaħ l-unuri kollha possibbli f’staġun wieħed. Fl-2002 irritorna ma’ Sliema Wanderers fejn baqa’ sal-2006 b’ħafna unuri fejn saħansittra rebaħ il-kampjonat tliet darbiet infila… xi ħaġa li minn dak iż-żmien f’pajjiżna, qatt ma reġgħet saret.

Huwa kkowċja total ta’ 243 logħba fil-Kampjonat Premier.

Fl-aħħar snin Aquilina kien ukoll kummentatur sportiv fuq it-televiżjoni lokali.