Lokali

“In-nies għal qalbna” – wegħdi ċari favur il-familji u n-negozji mill-PN

“Qed ikelmuna nies tal-business u qegħdin jgħidulna li jinsabu frustrati. Hemmek tara kemm dak li qed ngħidu jagħmel sens u qed jolqot lin-nies fil-laħam il-ħaj. In-nies għal qalbna, b’wegħdi ċari, aħna rridu li jkollna sistema ta’ taxxa ġusta biex inti tikkompeti b’mod li tista’ jkollok cans li tirbaħ.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, meta kien intervistat minn Robert Cremona. Bernard Grech kien qed jitkellem dwar il-proposti tal-PN għal sistema ta’ taxxa aktar ġusta biex kulħadd ikollu level playing field. Dan meta tul l-intervista tkellem ukoll dwar il-proposti tal-PN fid-dawl tas-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-Gvern Laburista.

Bernard Grech kompla jispjega l-proposti tal-PN fir-rigward tal-Ambjent fejn saħaq li dan se jkun pilastru importanti fil-politka tal-Partit. Hawnhekk semma’ kif il-PN qed iwiegħed li jakkwista l-art f’Ħondoq ir-Rummien sabiex din issir art pubblika. L-impenn tal-PN hi din l-art tinbidel f’Park Nazzjonali miftuħ għal kulħadd.

Tema li kienet fuq fuq fomm kulħadd matul l-aħħar jiem kienet il-pożizzjoni tal-Ministru Carmelo Abela li wara allegazzjonijiet serji ta’ involviment f’reati serji, għadu jifforma parti mill-Kabinett ta’ Robert Abela għaliex il-Prim Ministru qed jibqa’ jaħrab milli jiddeċiedi.

Intant, tul din l-intervista, Bernard Grech kien mistqosi wkoll fuq diversi temi oħrajn fosthom, il-pandemija, it-turiżmu, ix-xandir pubbliku u l-isport, fejn reġa’ fakkar li Gvern Nazzjonalista jeleva l-isport fuq skala ta’ Ministeru għaliex verament jemmen li f’pajjiżna hawn talent biżżejjed biex l-isport ikun verament meqjus u apprezzat bħala professjoni.

Tags