EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | It-Turkija b’mira li tpatti għad-diżappunt tal-aħħar Euro 2016

Partitarju tat-Turkija waqt waħda mill-partiti fil-grupp ta' kwalifikazzjoni għall-Euro 2020

L-iskwadra Torka hi magħmula minn plejers ġodda u għandu dipartiment difensiv organiżżat u b’saħħtu

Fl-aħħar Kampjonati Ewropej tal-2016, it-Turkija setgħu jaslu biss sal-fażi tal-gruppi, fl-edizzjoni li kienet saret fi Franza. Din id-darba, fil-ħames dehra tagħhom f’dan it-turnament Ewropew, l-aspirazzjoni tat-Torok hi li jirrepetu jew saħansitra anke jtejbu, dak li t-tim nazzjonali kien irnexxielu jagħmel fl-edizzjoni tal-2008, li kienet saret fl-Awstrija u l-Iżvizzera rispettivament, meta fis-semifinali kienu sfaw eliminati mill-Ġermanja b’gowl deċiżiv fid-90 minuta.

Kull partitarju Tork, lejliet il-bidu tal-Euro 2020, qed jittama li r-riżultati din id-darba jkunu bil-wisq aħjar minn dawk miksuba fl-aħħar Euro 2016.

Attwalment it-Turkija tinsab fid-29 post fir-rankings tal-FIFA

Riżultat simili għal dak ta’ 13-il sena ilu f’din l-edizzjoni, żgur li mhuwiex tragward surreali għat-Turkija. Għal dawn l-aħħar sentejn, fit-tmexxija ta’ din l-iskwadra nazzjonali reġa’ tfaċċa Şenol Güneş; l-istess kowċ nazzjonali li fl-2002, kien mexxa lit-Torok biex kisbu l-aqwa riżultat fl-istorja ta’ dan it-tim, it-tielet post fil-finali tat-Tazza tad-Dinja li kienet saret fl-Asja.

Il-kowċ tat-Turkija, Şenol Güneş flimkien ma’ Hakan Calhanoglu waqt waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ riċenti tat-tim.

Għall-kwalifikazzjoni tal-Euro 2020, Güneş mexxa lit-tim f’grupp li ma kienx faċli, u li fih it-Torok temmew it-tieni, żewġ punti biss taħt Franza. Fl-istess grupp magħhom kien hemm ukoll l-Iżlanda u l-Albanija; it-tnejn kienu fost it-timijiet finalisti tal-aħħar Kampjonati Ewropej. Fiż-żewġ konfronti diretti kontra Franza, it-Turkija kisbet dro u rebħa ta’ 2-0 iżda naqset milli tirbaħ il-massimu tal-punti kontra l-Iżlanda, filwaqt li waqqgħet il-punti kontra l-Iżlanda, meta kellhom dro u telfa, kontra pajjiż li eventwalment spiċċa biex ma kkwalifikax għall-Euro 2020.

Kowċ Güneş jilgħab b’sistema riġida ħafna, b’attenzjoni fuq is-solidità tad-difiża, u konċentrazzjoni u importanza fuq id-dehra u d-dixxiplina tattika tal-iskwadra, b’enfasi fuq il-kollettiv.

L-iskwadra Torka hi ffurmata minn ġenerazzjoni ġdida ta’ plejers, u li fil-maġġoranza tagħhom jilagħbu ma’ klabbs fl-aqwa kampjonati Ewropej. Güneş jilgħab b’sistema riġida ħafna, b’attenzjoni fuq is-solidità tad-difiża, u konċentrazzjoni u importanza fuq id-dehra u d-dixxiplina tattika tal-iskwadra, b’enfasi fuq il-kollettiv. Dan l-istil tattiku ta l-frott mixtieq, għaliex fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, it-Turkija mhux biss ikkwalifikat meta rebħet seba’ partiti minn għaxra, iżda sforz l-element kompatt tagħhom, huma sofrew biss tliet gowls.

Plejers tat-Turkija jiċċelebraw wara wieħed mill-gowls fil-partita kontra Franza fl-2019.

Dan hu tim mibni fuq plejers bħal mhuma, il-midfielder offensiv ta’ Milan, Hakan Calhanoglu li hu meqjus bħala ispirazzjoni għall-bqija tal-iskwadra. Flimkien miegħu hemm ukoll il-gowlkiper ta’ 32 sena Mert Günok, id-difensur ċentrali ta’ Leicester City, Caglar Soyuncu, kif ukoll il-captain ta’ 35 sena u skorer prolifiku ta’ Lille, Burak Yilmaz.

Partitarji tat-Turkija waqt partita f’Stade de France, f’Pariġi.

Is-26 plejer tat-Turkija għall-Euro 2020

Kowċ: Şenol Güneş

Il-gowlkiper tat-Turkija, Ugurcan Cakir jgħannaq lil Bjorn Johnsen, attakkant tan-Norveġja, wara partita mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li għandha ssir fil-Qatar.

Gowlkipers: Altay Bayındır (Fenerbahce), Mert Gunok (Istanbul Basaksehir), Ugurcan Cakir (Trabzonspor)

Difensuri: Zeki Celik (LOSC Lille), Caglar Soyuncu (Leicester), Kaan Ayhan (Sassuolo), Merih Demiral (Juventus), Mert Muldur (Sassuolo), Ozan Kabak (Liverpool), Ridvan Yilmaz (Besiktas), Umut Meras (Le Havre)

Id-difensur ċentrali ta’ 23 sena, Merih Demiral li jilgħab fis-Serie A ma’ Juventus.
Yusuf Yazıcı bil-flokk ta’ Lille fi Franza, jiċċelebra wieħed mill-gowls li skorja dan l-istaġun.

Midfielders: Yusuf Yazıcı (LOSC Lille), Dorukhan Tokoz (Besiktas), Irfan Can Kahveci (Fenerbahce), Okay Yokuslu (West Brom), Orkun Kokcu (Feyenoord), Ozan Tufan (Fenerbahce), Taylan Antalyali (Galatasaray), Hakan Calhanoglu (AC Milan)

Attakkanti: Burak Yilmaz (LOSC Lille), Cengiz Under (Leicester), Enes Unal (Getafe), Abdulkadir Omur (Trabzonspor), Kerem Akturkoglu (Galatasaray), Halil Ibrahim Dervisoglu (Brentford), Kenan Karaman (Fortuna Dusseldorf)

L-attakkant Burak Yilmaz se jkun qed jagħlaq 36 sena x-xahar li ġej. Yilmaz hu l-captain tat-Turkija u fl-ewwel tliet partiti tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li jmiss, hu skorja erba’ gowls.