EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | L-Italja fost il-favoriti tal-Euro 2020, b’enfasi fuq il-kollettiv

Partitarju tat-tim nazzjonali Taljan

L-Italja se jilgħabu f’Grupp A, u wara li ddominaw lill-avversasrji tagħhom fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni

53 sena wara li rebħu l-aħħar l-unur ta’ champions Ewropej, l-Italja tirritorna mill-ġdid tilgħab fil-finali ta’ waħda miż-żewġ kompetizzjonijiet il-kbar fid-dinja tal-futbol, fuq livell ta’ tim nazzjonali. Fl-2018, l-Italja kienet naqset milli tikkwalifika għall-finali tat-Tazza tad-Dinja li kienet saret fir-Russja u dakinhar id-diżappunt kien kbir. Madankollu l-ħatra ta’ Roberto Mancini bħala kowċ nazzjonali tal-Italja wriet li kienet l-aqwa għażla li l-assoċjazzjoni tal-futbol fl-Italja setgħet tieħu fil-mument.

Roberto Mancini llu kowċ tal-Italja minn Mejju tal-2018.

Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, l-Italja temmet Grupp J b’punti massimi, anke jekk l-avversarji tagħhom ma kinux fost l-itqal. Madankollu jibqa’ fatt li r-riżultati miksuba wrew bidla, hekk kif Mancini kien kapaċi jsib bilanċ fl-għażla tal-plejers magħżula. Hu għażel li jagħti  fiduċja lill-plejers żgħażagħ u ta’ talent, bħal fil-każ ta’ Nicolò Zaniolo (li iżda mhux se jilgħab għax weġġa’ l-irkoppa) u Nicolò Barrella. Fl-istess waqt, Mancini rrikonoxxa l-valur ta’ plejers akbar fl-età u li jilagħbu fi rwol offensiv, bħal mhuma Lorenzo Insigne, Andrea Belotti u Ciro Immobile.

L-Italja rebħu l-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, b’punti massimi.

L-ewwel ħdax tal-Italja qabel waħda mill-partiti li lagħbu fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, kontra l-Armenja, f’Novembru tal-2019.
Lorenzo Insigne jiċċelebra gowl li skorja għall-Italja kontra Il-Bożnja u Ħerzegovina fl-2019, fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020.
Ciro Immobile għandu 31 sena u jilgħab ma’ Lazio. Fl-aħħar żewġ staġuni, fis-Serie A hu skorja total impressjonanti ta’ 56 gowl.
Andrea Belotti hu wieħed mill-iskorers prolifiċi tal-Italja u jilgħab ma’ Torino. Fis-sajf ta’ sena llu, il-plejer ta’ 27 sena, kien fil-mira ta’ Manchester United.
Roberto Mancini flimkien mad-difensur ċentrali ta’ 34 sena, Leonardo Bonucci qabel il-bidu ta’ konferenza stampa.

Taħt it-tmexxija tal-kowċ Mancini, l-Italja tilgħab kważi dejjem b’sistema tattika ta’ 4-3-3.

Fil-partiti tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni, Mancini żamm konformi mas-sistema tattika ta’ 4-3-3. Il-logħba imposta mit-Taljani hi bbażata fuq passaġġi preċiżi u dominju fil-pussess tal-ballun.

Domenico Berardi jiċċelebra ma’ sħabu wara li skorja gowl f’partita mat-tim nazzjonali.

M’hemmx dubju li f’Grupp A tal-Euro 2020, l-Italja tibda bħala l-aktar favorita li tikkwalifika għal mal-aħħar sittax. L-istil fil-mod ta’ kif jilagħbu, kif ukoll l-attributi ta’ diversi plejers individwali f’din l-iskwadra, huma l-fatturi għaliex f’din l-era ta’ Mancini qed naraw tim Taljan aktar organizzat fl-aspetti kollha. Tnejn mill-elementi l-aktar influwenti f’din l-iskwadra u li jilagħbu f’nofs il-grawnd, huma Jorginho ta’ Chelsea u l-qsajjar ta’ PSG, Marco Verratti. Fl-aħħar partiti li l-Italja lagħbet, spikka l-fatt li ma sofrew ebda gowl. Dan hu punt ieħor indikattiv li juri l-potenzjal li għandha din l-iskwadra f’kull dipartiment, iżda fuq kollox konferma tas-saħħa kollettiva tagħhom.

Tfajla Taljana tifforma qalb b’idejha waqt li kienet qed issegwi waħda mill-partiti tal-Azzurri.

Is-26 plejer tal-Italja għall-Euro 2020

Kowċ: Roberto Mancini

Gianluigi Donnarumma l-gowlkiper numru wieħed tal-Italja.

Gowlkipers: Gianluigi Donnarumma (AC Milan), Alex Meret (Napoli), Salvatore Sirigu (Torino)

Difensuri: Francesco Acerbi (Lazio), Alessandro Bastoni (Inter Milan), Leonardo Bonucci (Juventus), Giorgio Chiellini (Juventus), Giovanni Di Lorenzo (Napoli), Emerson Palmieri (Chelsea), Alessandro Florenzi (PSG), Leonardo Spinazzola (Roma), Rafael Toloi (Atalanta)

Francesco Acerbi hu wieħed mid-difensuri ċentrali fis-selezzjoni ta’ kowċ Mancini. Għandu 33 sena u jilgħab ma’ Lazio.
Jorginho, 27 sena. Wieħed mill-plejers l-aktar importanti u ta’ valur flt-tim nazzjonali Taljan.

Midfielders: Nicolo Barella (Inter Milan), Bryan Cristante (Roma), Jorginho (Chelsea), Manuel Locatelli (Sassuolo), Lorenzo Pellegrini (Roma), Stefano Sensi (Inter Milan), Marco Verratti (PSG)

Attakkanti: Andrea Belotti (Torino), Domenico Berardi (Sassuolo), Federico Bernardeschi (Juventus), Federico Chiesa (Juventus), Ciro Immobile (Lazio), Lorenzo Insigne (Napoli), Giacomo Raspadori (Sassuolo)

Federico Chiesa, 23 sena. Diġa’ lagħab 24 partita fl-attakk tal-Italja u skorja gowl wieħed biss.