L-Iżvizzera huma meqjusa bħala t-tieni l-akbar forza f’Grupp A tal-Euro 2020
Ir-rebbieħa ta’ wieħed mill-għaxar gruppi ta’ kwalifikazzjoni, l-Iżvizzera se jkunu qed jilagħbu f’grupp delikat u li jista’ jwassalhom għal kull xorta ta’ riżultat. Fl-aħħar edizzjoni ta’ dan it-turnament, dan il-pajjiż kiseb l-aqwa riżulat tiegħu fl-istorja, meta għall-ewwel darba avvanza sal-istadju tal-aħħar sittax. Din id-darba, hekk irnexxilhom jikkwalifikaw għall-ħames finali ta’ dan it-turnament Ewropew, f’dawn l-aħħar 25 sena, qed iħarsu lejn miri possibilment għola.

F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-Iżvizzera għamlet progress sinifikanti f’dan il-livell ta’ futbol, tant li kien wieħed mit-timijiet Ewropej li dejjem ikkwalifika fl-aħħar erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, filwaqt li mill-aħħar seba’ edizzjonijiet tal-Kampjonati Ewropej, huma kkwalifikaw ħames darbiet. M’hemmx dubju li l-influwenza u l-introduzzjoni ta’ plejers fit-tim, li gejjin minn immigranti tat-tieni ġenerazzjoni, l-aktar dawk li ġejjin mill-ex Jugoslavja, għen mhux ftit biex dan il-pajjiż beda jikseb l-aqwa riżultati fl-istorja, fosthom post mal-aħħar sittax fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, u tragward identiku fl-aħħar Euro 2016.
Fl-aħħar partiti, kowċ Petkovic dejjem ipprefera formazzjoni bi tliet difensuri, b’format tattiku ta’ 3-5-2 jew 3-4-3.

Iżda l-id tal-kowċ Bosnijan, Vladimir Petkovic ukoll għandha sehem f’dan is-suċċess Żvizzeru. Dan is-sajf, l-eks kowċ ta’ Lazio, jagħlaq seba’ snin fit-tmexxija ta’ dan it-tim. Matul dan iż-żmien Petkovic introduċa filosofija u kultura ġdida ta’ futbol, fejn it-tim għandu jfittex li jkun dejjem dominanti fuq l-avversarju, irrelevanti kontra min qed jilagħbu. Fl-aħħar partiti rajna flessibiltà fis-sistema tattika tal-iskwadra, iżda ġeneralment Petkovic dejjem ipprefera formazzjoni bi tliet difensuri, b’format tattiku ta’ 3-5-2 jew 3-4-3.

F’Grupp D għall-kwalifikazzjoni tal-Euro 2020, l-Iżvizzeri temmew l-ewwel b’differenza ta’ punt wieħed għall-ispejjeż tad-Danimarka. Kontra l-Iskandinavi, l-Iżvizzera tilfu l-unika partita tagħhom fil-grupp iżda fil-bqija tal-partiti l-oħra urew konsistenza fil-logħob u r-riżultati miksuba.

L-influwenza u l-preżenza f’nofs il-grawnd ta’ Xherdan Shaqiri, li jilgħab fil-Premier League tal-Ingilterra ma’ Liverpool, hi fattur importanti f’dan it-tim. L-istil ta’ logħob tiegħu, partikolarment l-abiltà fid-dribbling u l-passaġġi meqjusa tiegħu, jagħtu valur addizzjonali lit-tim f’dipartiment tant importanti. Dan kollu hu kkumplimentat bit-talent u t-teknika tal-captain f’din l-iskwadra, Granit Xhaka.
Preżentament, l-Iżvizzera tinsab fit-13-il post fil-klassifika tar-rankings tal-FIFA.
Għal raġunijiet differenti, Petkovic se jkollu diversi elementi importanti nieqsa mit-tim li se jkun qed jilgħab bih f’din l-edizzjoni. Dawn huma d-difensur Michael Lang ta’ Borrusia Mönchengladbach, kif ukoll l-attakkanti ta’ Celtic, Albian Ajeti u Cedric Itten. Attenzjoni partikolari għall-attakkant ta’ 29 sena, li jilgħab il-Portugal ma’ Benfica, Haris Seferovic li fl-aħħar partiti ta’ din is-sena, kontra l-Bulgarija u l-Finlandja, reġa’ rritorna jiskorja.

Is-26 plejer tal-Iżvizzera għall-Euro 2020
Kowċ: Vladimir Petkovic


Goalkeepers: Yann Sommer (Borussia Monchengladbach), Yvon Mvogo (PSV), Jonas Omlin (Montpellier)
Difensuri: Manuel Akanji (Borussia Dortmund), Loris Benito (Bordeaux), Nico Elvedi (Monchengladbach), Kevin Mbabu (Wolfsburg), Becir Omeragic (Zurich), Ricardo Rodriguez (Torino), Silvan Widmer (Basel), Fabian Schar (Newcastle United), Jordan Lotomba (Nice), Eray Comert (Basel)


Midfielders: Granit Xhaka (Arsenal), Denis Zakaria (Monchengladbach), Remo Freuler (Atalanta), Djibril Sow (Frankfurt), Admir Mehmedi (Wolfsburg), Xherdan Shaqiri (Liverpool), Ruben Vargas (Augsburg), Steven Zuber (Frankfurt), Edimilson Fernandes (Mainz), Christian Fassnacht (Young Boys)
Attakkanti: Breel Embolo (Monchengladbach), Mario Gavranovic (Dinamo Zagreb), Haris Seferovic (Benfica)
