EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | L-Iżvizzeri ffittxu estensjoni tal-progress u r-riżultati miksuba fl-aħħar snin

Tfajla Żvizzera tippoża għal ritratt waqt li kienet qed tagħti l-appoġġ tagħha lit-tim nazzjonali Żvizzeru

L-Iżvizzera huma meqjusa bħala t-tieni l-akbar forza f’Grupp A tal-Euro 2020

Ir-rebbieħa ta’ wieħed mill-għaxar gruppi ta’ kwalifikazzjoni, l-Iżvizzera se jkunu qed jilagħbu f’grupp delikat u li jista’ jwassalhom għal kull xorta ta’ riżultat. Fl-aħħar edizzjoni ta’ dan it-turnament, dan il-pajjiż kiseb l-aqwa riżulat tiegħu fl-istorja, meta għall-ewwel darba avvanza sal-istadju tal-aħħar sittax. Din id-darba, hekk irnexxilhom jikkwalifikaw għall-ħames finali ta’ dan it-turnament Ewropew, f’dawn l-aħħar 25 sena, qed iħarsu lejn miri possibilment għola.

L-attakkant Breel Embolo jiċċelebra gowl fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, fir-rebħa li l-Iżvizzera kienu kisbu f’Marzu tal-2019 bl-iskor ta’ 3-0 kontra d-Danimarka.

F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-Iżvizzera għamlet progress sinifikanti f’dan il-livell ta’ futbol, tant li kien wieħed mit-timijiet Ewropej li dejjem ikkwalifika fl-aħħar erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, filwaqt li mill-aħħar seba’ edizzjonijiet tal-Kampjonati Ewropej, huma kkwalifikaw ħames darbiet. M’hemmx dubju li l-influwenza u l-introduzzjoni ta’ plejers fit-tim, li gejjin minn immigranti tat-tieni ġenerazzjoni, l-aktar dawk li ġejjin mill-ex Jugoslavja, għen mhux ftit biex dan il-pajjiż beda jikseb l-aqwa riżultati fl-istorja, fosthom post mal-aħħar sittax fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, u tragward identiku fl-aħħar Euro 2016.

Fl-aħħar partiti, kowċ Petkovic dejjem ipprefera formazzjoni bi tliet difensuri, b’format tattiku ta’ 3-5-2 jew 3-4-3.

Vladimir Petkovic ilu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Żvizzeru mill-2014. Hu mexxa lil dan il-pajjiż għal ftit aktar minn 70 partita u l-aktar plejer li lagħab miegħu sal-lum hu Granit Xhaka.

Iżda l-id tal-kowċ Bosnijan, Vladimir Petkovic ukoll għandha sehem f’dan is-suċċess Żvizzeru. Dan is-sajf, l-eks kowċ ta’ Lazio, jagħlaq seba’ snin fit-tmexxija ta’ dan it-tim. Matul dan iż-żmien Petkovic introduċa filosofija u kultura ġdida ta’ futbol, fejn it-tim għandu jfittex li jkun dejjem dominanti fuq l-avversarju, irrelevanti kontra min qed jilagħbu. Fl-aħħar partiti rajna flessibiltà fis-sistema tattika tal-iskwadra, iżda ġeneralment Petkovic dejjem ipprefera formazzjoni bi tliet difensuri, b’format tattiku ta’ 3-5-2 jew 3-4-3.

Waqt waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-Iżvizzeri. Flimkien mal-kowċ Petkovic, jidher wieħed mill-aktar plejers influwenti f’din l-iskwadra, Xherdan Shaqiri li jilgħab ma’ Liverpool.

F’Grupp D għall-kwalifikazzjoni tal-Euro 2020, l-Iżvizzeri temmew l-ewwel b’differenza ta’ punt wieħed għall-ispejjeż tad-Danimarka. Kontra l-Iskandinavi, l-Iżvizzera tilfu l-unika partita tagħhom fil-grupp iżda fil-bqija tal-partiti l-oħra urew konsistenza fil-logħob u r-riżultati miksuba.

Granit Xhaka hu l-captain tal-Iżvizzera u sal-lum lagħab ‘il fuq minn 90 partita internazzjonali għal pajjiżu.

L-influwenza u l-preżenza f’nofs il-grawnd ta’ Xherdan Shaqiri, li jilgħab fil-Premier League tal-Ingilterra ma’ Liverpool, hi fattur importanti f’dan it-tim. L-istil ta’ logħob tiegħu, partikolarment l-abiltà fid-dribbling u l-passaġġi meqjusa tiegħu, jagħtu valur addizzjonali lit-tim f’dipartiment tant importanti. Dan kollu hu kkumplimentat bit-talent u t-teknika tal-captain f’din l-iskwadra, Granit Xhaka.

Preżentament, l-Iżvizzera tinsab fit-13-il post fil-klassifika tar-rankings tal-FIFA.

Għal raġunijiet differenti, Petkovic se jkollu diversi elementi importanti nieqsa mit-tim li se jkun qed jilgħab bih f’din l-edizzjoni. Dawn huma d-difensur Michael Lang ta’ Borrusia Mönchengladbach, kif ukoll l-attakkanti ta’ Celtic, Albian Ajeti u Cedric Itten. Attenzjoni partikolari għall-attakkant ta’ 29 sena, li jilgħab il-Portugal ma’ Benfica, Haris Seferovic li fl-aħħar partiti ta’ din is-sena, kontra l-Bulgarija u l-Finlandja, reġa’ rritorna jiskorja.

L-attakkant Haris Seferovic, jiċċelebra wara l-gowl li skorja kontra l-Finlandja, f’partita ta’ ħbiberija, f’Marzu li għadda.

Is-26 plejer tal-Iżvizzera għall-Euro 2020

Kowċ: Vladimir Petkovic

Bejn il-lasti tal-Iżvizzera se nkunu qed naraw lill-gowlkiper veteran ta’ 32 sena, Yann Sommer li għal dawn l-aħħar seba’ staġuni konsekuttivi, lagħab ma’ Borrusia Mönchengladbach fil-Bundesliga Ġermaniża.

Goalkeepers: Yann Sommer (Borussia Monchengladbach), Yvon Mvogo (PSV), Jonas Omlin (Montpellier)

Difensuri: Manuel Akanji (Borussia Dortmund), Loris Benito (Bordeaux), Nico Elvedi (Monchengladbach), Kevin Mbabu (Wolfsburg), Becir Omeragic (Zurich), Ricardo Rodriguez (Torino), Silvan Widmer (Basel), Fabian Schar (Newcastle United), Jordan Lotomba (Nice), Eray Comert (Basel)

Ricardo Rodriguez, 29 sena f’Awwissu li ġej. Jilgħab fuq ix-xellug tad-difiża u dan l-istaġun irritorna jilgħab fl-Italja, fl-ewwel esperjenza tiegħu ma’ Torino.
Remo Freuler jllgħab ċentrali fin-nofs u f’dawn l-aħħar sitt staġuni kien parti mill-proġett suċċess ta’ Gian Piero Gasperini bħala kowċ ta’ Atalanta.

Midfielders: Granit Xhaka (Arsenal), Denis Zakaria (Monchengladbach), Remo Freuler (Atalanta), Djibril Sow (Frankfurt), Admir Mehmedi (Wolfsburg), Xherdan Shaqiri (Liverpool), Ruben Vargas (Augsburg), Steven Zuber (Frankfurt), Edimilson Fernandes (Mainz), Christian Fassnacht (Young Boys)

Attakkanti: Breel Embolo (Monchengladbach), Mario Gavranovic (Dinamo Zagreb), Haris Seferovic (Benfica)

Mario Gavranovic hu wieħed mill-attakkanti fl-iskwadra magħżua minn Petkovic għall-Euro 2020. Jilgħab fil-Kroazja ma’ Dinamo Zagreb u dan l-istaġun kien l-aktar wieħed li qatt skorja gowls fiħ, b’total ta’ 16-il gowl f’ 1. HNL.