M’humiex fost il-favoriti ta’ Grupp A, iżda kapaċi jiksbu riżultati u jissorprendu ukoll
Meta fl-2016 Wales kienu ssorprendew lil kulħadd u kitbu l-istorja bi kwalifikazzjoni storika għall-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej, ħadd ma kien qed ibassar li kienu saħansitra se javvanzaw sas-semifinali ta’ dik l-edizzjoni. Anke jekk sentejn wara, fl-2018, naqsu milli jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja, jibqa’ fatt li l-aħħar għaxar snin ta’ futbol kienu sempliċiment eċċezzjonali għal Wales.

Minn tim fil-117-il post fir-rankings tal-FIFA, għall-għola pożizzjoni li qatt kienu fl-istorja, it-tmien post fid-dinja taħt it-tmexxija ta’ Chris Coleman. Illum jinsabu mal-ewwel għoxrin pajjiż fid-dinja. Il-progress baqa’ kostanti, iżda f’Grupp A tal-Euro 2020, mhumiex il-favoriti li jkomplu javvanzaw.
Għall-Euro 2020, se jkun qed imexxi lil Wales, Robert Page, li fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni kien l-assistant kowċ ta’ Ryan Giggs. Dan tal-aħħar kellu jwarrab mill-kariga meta sar magħruf li l-Qorti f’Manchester qed takkużah li ħebb għal żewġ nisa kif ukoll li heddidhom, liema akkużi iżda kienu miċħuda minn Giggs innifsu.

Fil-mixja għall-kwalifikazzjoni taħt it-tmexxija tal-eks plejer leġġendarju tagħhom Ryan Giggs, huma temmew fit-tieni post; tliet punti biss taħt il-Kroazja. Huma komplew mar-riżultati pożittivi tant li rebħu promozzjoni għal Diviżjoni A tal-UEFA Nations League. Madankollu l-kowċ tal-iskwadra għall-Euro 2020 mhux se jkun Giggs, iżda l-assistent tiegħu Robert Page. Dan għaliex Giggs kellu jwarrab mill-kariga meta sar magħruf li l-Qorti f’Manchester qed takkużah li ħebb għal żewġ nisa kif ukoll li heddidhom, liema akkużi iżda kienu miċħuda minn Giggs innifsu.

Fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, Wales lagħbu b’sistema tattika ta’ 4-2-3-1, iżda fl-aħħar partiti u taħt it-tmexxija l-ġdida ta’ Page, dan it-tim biddel is-sistema għal dik ta’ 3-4-3. Is-saħħa tagħhom hi mibnija fuq id-dipartiment difensiv. Għalkemm f’din l-iskwadra hemm l-influwenza ta’ plejers bħal Gareth Bale, Aaron Ramsey u l-iskorer prolifiku Kieffer Moore, wieħed irid jirrikonoxxi t-talent ta’ plejers żgħażagħ u li ħafna minnhom jilagħbu fil-Premier League Ingliż.

Is-26 plejer ta’ Wales għall-Euro 2020
Kowċ: Robert Page


Gowlkipers: Wayne Hennessey (Crystal Palace), Adam Davies (Stoke City), Danny Ward (Leicester City)
Difensuri: Ben Davies (Tottenham Hotspur), Joe Rodon (Tottenham Hotspur), Chris Mepham (Bournemouth), Connor Roberts (Swansea City), Tom Lockyer (Luton Town), Neco Williams (Liverpool), Ben Cabango (Swansea City), Rhys Norrington-Davies (Sheffield United), Chris Gunter (Charlton Athletic)


Midfielders: Aaron Ramsey (Juventus), Ethan Ampadu (Chelsea), Matthew Smith (Manchester City), Joe Morrell (Luton Town), Joe Allen (Stoke City), Jonathan Williams (Cardiff City), David Brooks (Bournemouth), Harry Wilson (Cardiff City), Dylan Levitt (Manchester United), Rubin Colwill (Cardiff City)
Attakkanti: Kieffer Moore (Cardiff City), Dan James (Manchester United), Tyler Roberts (Leeds United), Gareth Bale (Tottenham Hotspur)
