EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | Wales bl-objettiv li jirrepetu l-maġija ta’ riżultati fl-aħħar Euro 2016

Partitarju ta' Wales isegwi lit-tim nazzjonali tiegħu b'tant passjoni

M’humiex fost il-favoriti ta’ Grupp A, iżda kapaċi jiksbu riżultati u jissorprendu ukoll

Meta fl-2016 Wales kienu ssorprendew lil kulħadd u kitbu l-istorja bi kwalifikazzjoni storika għall-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej, ħadd ma kien qed ibassar li kienu saħansitra se javvanzaw sas-semifinali ta’ dik l-edizzjoni. Anke jekk sentejn wara, fl-2018, naqsu milli jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja, jibqa’ fatt li l-aħħar għaxar snin ta’ futbol kienu sempliċiment eċċezzjonali għal Wales.

Plejers tat-tim nazzjonali ta’ Wales, jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, wara rebħa importanti kontra l-Ungerija.

Minn tim fil-117-il post fir-rankings tal-FIFA, għall-għola pożizzjoni li qatt kienu fl-istorja, it-tmien post fid-dinja taħt it-tmexxija ta’ Chris Coleman. Illum jinsabu mal-ewwel għoxrin pajjiż fid-dinja. Il-progress baqa’ kostanti, iżda f’Grupp A tal-Euro 2020, mhumiex il-favoriti li jkomplu javvanzaw.

Għall-Euro 2020, se jkun qed imexxi lil Wales, Robert Page, li fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni kien l-assistant kowċ ta’ Ryan Giggs. Dan tal-aħħar kellu jwarrab mill-kariga meta sar magħruf li l-Qorti f’Manchester qed takkużah li ħebb għal żewġ nisa kif ukoll li heddidhom, liema akkużi iżda kienu miċħuda minn Giggs innifsu.

Ryan Giggs mexxa lil Wales bħala kowċ fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni iżda mhux se jkun hu l-kowċ fil-fażi finali tal-Euro 2020.

Fil-mixja għall-kwalifikazzjoni taħt it-tmexxija tal-eks plejer leġġendarju tagħhom Ryan Giggs, huma temmew fit-tieni post; tliet punti biss taħt il-Kroazja. Huma komplew mar-riżultati pożittivi tant li rebħu promozzjoni għal Diviżjoni A tal-UEFA Nations League. Madankollu l-kowċ tal-iskwadra għall-Euro 2020 mhux se jkun Giggs, iżda l-assistent tiegħu Robert Page. Dan għaliex Giggs kellu jwarrab mill-kariga meta sar magħruf li l-Qorti f’Manchester qed takkużah li ħebb għal żewġ nisa kif ukoll li heddidhom, liema akkużi iżda kienu miċħuda minn Giggs innifsu.

Robert Page mexxa lil Wales bħala caretaker kowċ fl-aħħar sitt partiti. Taħt Page, Wales rebħu erba’ partiti u tilfu darba, kontra l-Belġju.

Fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, Wales lagħbu b’sistema tattika ta’ 4-2-3-1, iżda fl-aħħar partiti u taħt it-tmexxija l-ġdida ta’ Page, dan it-tim biddel is-sistema għal dik ta’ 3-4-3. Is-saħħa tagħhom hi mibnija fuq id-dipartiment difensiv. Għalkemm f’din l-iskwadra hemm l-influwenza ta’ plejers bħal Gareth Bale, Aaron Ramsey u l-iskorer prolifiku Kieffer Moore, wieħed irid jirrikonoxxi t-talent ta’ plejers żgħażagħ u li ħafna minnhom jilagħbu fil-Premier League Ingliż.

Supporter femminili ta’ Wales, issegwi b’entużjażmu u interess lit-tim waqt waħda mill-partiti riċenti ta’ Wales.

Is-26 plejer ta’ Wales għall-Euro 2020

Kowċ: Robert Page

Danny Ward, it-tieni gowlkiper ta’ Leicester City, u li dan l-istaġun ma lagħab ebda logħba fil-Premier League Ingliż, mistenni jkun il-gowlkiper numru wieħed ta’ Wales għall-partiti tal-Euro 2020.

Gowlkipers: Wayne Hennessey (Crystal Palace), Adam Davies (Stoke City), Danny Ward (Leicester City)

Difensuri: Ben Davies (Tottenham Hotspur), Joe Rodon (Tottenham Hotspur), Chris Mepham (Bournemouth), Connor Roberts (Swansea City), Tom Lockyer (Luton Town), Neco Williams (Liverpool), Ben Cabango (Swansea City), Rhys Norrington-Davies (Sheffield United), Chris Gunter (Charlton Athletic)

Ben Davies, 28 sena, hu wieħed mill-aktar plejers ta’ esperjenza fl-iskwadra nazzjonali ta’ Wales. Hu jilgħab ma’ Tottenham Hotspur iżda dan l-istaġun, reġa’ ma kienx regolari fil-Premier League, hekk kif l-għażla numru wieħed fir-rwol ta’ difensur fuq ix-xellug kien l-Ispanjol Sergio Reguilón.
Aaron Ramsey hu element validu fit-tim ta’ Robert Page, fir-rwol ta’ plejer f’nofs il-grawnd. Wara żewġ staġuni ma’ Juventus fl-Italja, teżisti possibiltá kbira li l-plejer ta’ 30 sena jirritorna jilgħab fil-Premier League, mhux mal-eks tim tiegħu Arsenal, iżda Everton.

Midfielders: Aaron Ramsey (Juventus), Ethan Ampadu (Chelsea), Matthew Smith (Manchester City), Joe Morrell (Luton Town), Joe Allen (Stoke City), Jonathan Williams (Cardiff City), David Brooks (Bournemouth), Harry Wilson (Cardiff City), Dylan Levitt (Manchester United), Rubin Colwill (Cardiff City)

Attakkanti: Kieffer Moore (Cardiff City), Dan James (Manchester United), Tyler Roberts (Leeds United), Gareth Bale (Tottenham Hotspur)

L-attakkant ta’ 28 sena, Kieffer Moore għadu kemm temm staġun mill-aqwa ma’ Cardiff City fil-League Championship, fl-Ingilterra, fejn skorja xejn inqas minn 20 gowl fil-Kampjonat.