Internazzjonali

Venezja: Protesta kontra t-tluq tal-ewwel bastiment tal-cruises wara l-fażi tal-Covid

Numru kbir ta’ residenti ta’ Venezja ħarġu bid-dgħajjes u wettqu dimostrazzjonijiet ta’ protesta fit-toroq waqt li l-ewwel bastiment tal-cruises beda ħiereġ mill-belt li qed tibda fażi ġdida ta’ ‘qawmien’ wara xhur ta’ restrizzjonijiet dovuti għall-Covid.

F’Marzu, l-awtoritajiet ta’ Venezja kienu pprojbew il-movimenti tal-bastimenti l-kbar, fosthom vapuri tal-cruises, minħabba t-tħassib  tar-residenti dwar it-tniġġiż u l-impatt negattiv mill-movimenti tal-vapuri għall-fondazzjonijiet ta’ din il-belt taħt l-ilma.

Intant, il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ biss ladarba jinbnew it-terminals li jippermettu għal rotot ġodda madwar iċ-ċentru ta’ Venezja. U filwaqt li kienu għaddejjin il-protesti, residenti oħra ta’ Venezja laqgħu b’sodisfazzjon ir-ritorn tal-istaġun tat-turiżmu u l-flus li dan mistenni li jiġġenera fil-ġimgħat li ġejjin.