Il-Belġju huma l-akbar favoriti biex jirbħu Grupp B, iżda mhux biss. Huma meqjusa fost l-isfidanti ‘l kbar biex jirbħu t-trofew Henri Delaunay. Fl-istess grupp magħhom hemm ukoll id-Danimarka, Russja u d-debuttanti, il-Finlandja.
Analiżi | Belġju
Immexxija mill-kowċ Spanjol, Roberto Martinez, il-Belġju għandhom pressjoni biex jirbħu anke għaliex huma jinsabu fl-ewwel post fil-klassifika tar-rankings tal-FIFA. Il-mixja tagħhom fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020 kienet waħda perfetta. Huma rebħu l-partiti kollha li lagħbu bi stil. Skorjaw 40 gowl, filwaqt li f’għaxar partiti sofrew biss tliet gowls.
Analiżi | Danimarka
Id-Danimarka se tkun qed terġa’ tirritorna tilgħab fil-fażi finali tal-Euro, wara li fl-aħħar edizzjoni ma kinux fost il-pajjiżi finali. L-istilla ta’ din l-iskwadra hu l-midfielder ta’ klassi Christian Eriksen.
Analiżi | Russja
Ilkoll għadna niftakru x’kienu għamlu r-Russja fl-aħħar Tazza tad-Dinja li huma stess kienu organiżżaw. Fl-2018, taħt it-tmexxija tal-kowċ, Stanislav Cherchesov kienu waslu sal-kwarti tal-finali, u b’hekk kisbu riżultat li mar lilhinn minn dak li kien mistenni minnhom. Din id-darba, fil-Euro 2020, ir-Russja huma kważi l-istess tim ta’ tliet snin ilu, bl-istess qalb u passjoni, immotivata mill-abiltà teknika ta’ Cherchesov.
Analiżi | Finlandja
Il-Finlandja, se jkunu qed jidebuttaw f’din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba. Qatt qabel ma kienu waslu sa dan il-livell għaldaqstant il-poplu ta’ dan il-pajjiż, hu ħerqan biex jara lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom jilgħab fil-Kampjonati Ewropej b’tim modest.
//= $special ?>