Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Pajjiżna ma jirreġistra ebda każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa

Għall-ewwel darba minn Lulju tas-sena li għaddiet, pajjiżna ma rreġistra l-ebda każ ġdid ta’ Covid-19.

Dan ifisser li l-każi totali baqgħu jammontaw għal 30,571 filwaqt li bejn il-Ħadd u t-Tnejn fiequ 2 persuni bit-total kumplessiv jiżdied għal 30,080.

Fortunatament ma ġiet irreġistrata l-ebda fatalità kawża tal-pandemija f’pajjiżna biex b’hekk l-ammont ta’ vittmi baqa dak ta’ 419 bil-każi attivi jonqsu għal 72.

Mil-lum, fuq barra, se jkunu permessi gruppi sa massimu ta’ 6 persuni. Dan jgħodd ukoll għal-limitu ta’ persuni fuq kull mejda f’ristorant … li minn 4 jitilgħu għal 6.

Mil-lum jiftħu wkoll il-bars wara li kienu ilhom magħluqin mill-Ħarifa. Jiftħu wkoll it-teatri, is-swali taċ-ċinema u l-ħwienet tal-logħob u l-imħatri. Mit-Tnejn ingħata bidu wkoll għal contact sports u kompetizzjonijiet f’timijiet għal dawk kollha li għandhom aktar minn 17-il sena.

Dan filwaqt li l-President tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association, Howard Keith Debono stqarr fuq il-media soċjali li ninsabu f’salib it-toroq – bejn ritratti u filmati li jixhdu attivitajiet illegali fuq naħa u l-artisti u l-professjonisti jistennew li jibdew jerġgħu jaqilgħu ħobżhom fuq naħa oħra.

Filwaqt li awgura lil dawk kollha li reġgħu bdew jaħdmu mil-lum – mal-ftuħ mill-ġdid tal-bars – hu fakkar li l-maġġoranza tal-ħaddiema fl-industrija tal-Arti u l-Ispettaklu għadhom qed jistennew kif u jekk hux se jkunu jistgħu jibdew jaħdmu minn hawn u 3 ġimgħat oħra.

Howard Keith Debono insista li nofs soluzzjoni mhix biżżejjed, b’mod speċjali jekk ma tinżammx level playingfield f’dan il-qasam.

Min-naħa tiegħu, fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-aħbar li ma rriżulta l-ebda każ ġdid ta’ Covid-19 timla lill-poplu Malti u Għawdxi bil-kuraġġ.

Hu rringrazzja lill-poplu li mexa b’għaqal mal-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, kif ukoll lill-ħaddiema u lill-professjonisti fil-qasam mediku, li fl-aħħar xhur ħadmu qatigħ fl-għoti tal-vaċċin.

Bernard Grech insista lill-poplu biex ikompli jimxi mal-pariri tal-esperi ħalli flimkien nitrijonfaw fuq din il-pandemija u mmorru lura għan-normalità sħiħa li lkoll tant nixtiequ u neħtieġu.

Sadanittant, dawk kollha li niżżlu l-vawċers tal-Gvern wara l-proposta tal-Partit Nazzjonalista, mit-Tnejn jistgħu jibdew isarrfuhom f’ristoranti, ħwienet u lukandi.