Ambjent Lokali

“L-ERA bla snien quddiem entitajiet oħra” – Alan Deidun jirriżenja mill-awtorità

Jinsisti li l-proċeduri tal-Bord għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku

Il-proċeduri tal-Bord tal-ERA għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku bħal dawk tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Hekk qed jinsisti l-Professur Alan Deidun li f’intervista mat-Times of Malta ħabbar li rriżenja mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Deidun, li qed jinsisti fuq sistema li qed jipproponi wkoll il-Partit Nazzjonalista, qal li huwa hekk biss li l-ERA tkun aktar trasparenti. Hu spjega li ħafna ma jifhmux kemm għandha jdejha marbutin din l-awtorità u kemm m’għandhiex tkun hi fil-mira tal-kritika tal-pubbliku għaliex ħafna drabi tkun bla saħħa fil-konfront ta’ entitajiet oħra.

Dwar ix-xogħolijiet f’Kemmuna, fis-sit protett ta’ Natura 2000, Deidun qal li “bħal f’ħafna proġetti oħra, l-ERA ntużat bħala paraventu. Kollox kien ġa miftiehem”.

Dan ix-xogħol oxxen kien propju li wassal lil Deidun biex jirriżenja mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.

Alan Deidun qal li b’mod sistematiku din l-awtorità qed tintuża biex tingħata l-barka għal proġetti li qatt ma kellhom jingħataw permessi.

Hu qal li fil-każ tax-xogħolijiet f’Kemmuna, l-ERA kienet pratikament ordnata tagħti permess sabiex il-kuntratturi tal-Ministeru t’Għawdex, li kienu bdew ix-xogħolijiet bla permess, ikunu jistgħu jippruvaw ireġġgħu lura xi ħsara li kienu ġa wettqu fis-sit.

Il-Professur spjega kif l-ERA ftit li xejn għandha saħħa u ħafna drabi tkun injorata mill-Awtorità tal-Ippjanar. Hi tiddeċiedi. Tant hu hekk li Deidun jiddeskrivi lill-ERA bħala ‘bla snien’. Jgħid dan anke meta jiġi għal deċiżjonijiet dwar tqaċċit ta’ siġar u jispjega kif l-ERA m’għandhiex saħħa tiddeċiedi jekk it-tqaċċit tas-siġar ikun iddikkjarat minn Infrastructure Malta bħala neċessarju biex jevita periklu għat-traffiku.

Alan Deidun qal li dan huwa pajjiż demokratiku fejn il-poplu jagħżel lil min jirrappreżentah madankollu u jaħseb li pajjiżna għadu mhux lest għal awtorità tal-ambjent li verament tkun awtonoma. Hu qal li awtorità tal-ambjent li tiffunzjona kif suppost kieku twaqqaf l-iżvilupp kollu f’żoni ODZ. Dan, qal Deidun, probabbli jagħmel lill-awtorità entità xejn poplari. Il-poplu fl-aħħar mill-aħħar jieħu l-awtorità li tixraqlu.