Internazzjonali

Il-Ġermanja: Ftit nifs għall-Partit CDU ta’ Merkel wara s-suċċess fil-vot ta’ Sachsen-Anhalt

Angela Merkel il-kap tas-CDU.

Il-moviment politiku taċ-ċentru-lemin fil-Ġermanja rnexxielu jegħleb l-isfida qawwija mill-estremisti tal-lemin fl-elezzjoni għall-kontroll tal-Istat ta’ Sachsen-Anhalt u għal riżultat li jagħti ftit tan-nifs lill-Partit CDU fil-Gvern immexxi mill-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel.

Is-CDU kien qed jitlef l-appoġġ fl-aħħar xhur u meta Merkel qed tħejji biex twarrab minn Kanċillier fi żmien pjuttost inċert għall-pajjiż li qed jistejqer mill-impatt tal-coronavirus li ħakem bil-kbir f’numru ta’ Stati matul ix-xitwa.

Intant, is-suċċess għaċ-ċentru-lemin qawwa qalb il-protagonisti ta’ dan il-kamp politiku u meta l-vot tal-Ħadd kien l-aħħar eżami fuq livell reġjonali qabel l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Settembru fil-Ġermanja.

Intant, is-CDU (Demokristjani) ta’ Merkel rebħu 36 fil-mija tal-vot f’Sachsen-Anhalt li kien jifforma parti mill-eks Ġermanja tal-Lvant komunista. Ir-riżultat  ma jirriflettix l-istħarriġ ta’ opinjoni ta’ qabel il-vot u jista’ anki jkun il-bidu ta’ rimonta sinifikanti għall-partit ta’ Merkel li ilha tiddomina l-politika fil-Ġermanja mill-2005. Intant, se jkun Armin Laschet li għandu jieħu post Merkel bħala Kap tas-CDU għall-elezzjoni ta’ Settembru.

L-Alternativ fur Deutschland (AfD) estremista tal-lemin rebaħ 22 fil-mija tal-vot f’Sachsen-Anhalt wara li kien qed jidher kważi ras-imb-ras mas-CDU fl-istħarriġ.

Madankollu, is-CDU ilu jiddomina f’dan l-Istat mindu seħħet ir-reunifikazzjoni tal-Ġermanja fl-1990 u issa mistenni li Reiner Haseloff ikompli fir-rwol ta’ Prim Ministru ta’ Sachsen-Anhalt u bħala l-mexxej ta’ koalizzjoni.