EURO 2020 Futbol Sport

Il-Ġermanja u l-Ukrajna b’rebħiet kbar fl-aħħar partiti tagħhom qabel il-Euro 2020

(Ritratt: EPA)

Ġermanja 7 Latvja 1

Il-Ġermaniżi fetħu l-iskor fid-19-il minuta meta wara li bidel il-ballun tajjeb ma’ Kai Havertz, Robin Gosens ikkonkluda ġewwa. Żewġ minuti wara Ikay Gundogan irdoppja, biex fis-27 minuta Thomas Muller skorja t-tielet gowl mill-viċin għal 3-0. Fid-39 minuta Roberto Ozols tefa’ fil-lasta tiegħu stess wara xutt ta’ Kai Havertz, b’ Serge Gnabry jiskorjaw il-ħames gowl ma’ tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima il-Ġermanja baqgħu jiddominaw biex fil-50 minuta Timon Werner għamilhom sitta’ wara cross ta’ Joshua Kimmich. Il-Latvja skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fil-75 minuta permezz ta’ Aleksejs Saveljevs, b’Leory Sane jirrispondi minuta wara għal skor finali ta’ 7-1. Il-Ġermanja jiftħu l-impenji tagħhom fil-Euro 2020 kontra ċ-champions mondjali Franza, fl-Allianz Arena.

Agħfas fil-link biex issegwi siltiet mill-partita bejn il-Ġermanja u l-Latvja

Ukrajna 4 Ċipru 0

L-Ukrajna mmexxija mill-coach Andriy Shevchenko kisbu rebħa faċli ta’ 4-0 kontra Ċipru, biex għalqu l-preparamenti tagħhom fuq nota pożittiva. L-Ukrajna marru fil-vantaġġ fis-37 minuta permezz ta’ penalty ta’ Andriy Yarmolenko, fejn fl-azzjoni tal-penalty tkeċċa Andreas Panagitou għal Ċipru. L-Ukreni rdoppjaw fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel taqsima permezz ta’ penalty ieħor din id-darba mogħti u skorjat minn Oleksandr Zinchencko. L-Ukrajna għamluhom tlieta fid-59 minuta permezz ta’ Roman Yaremchuck li kkonkluda tajjbe wara pass ta; Marlos Romero Bonfim. L-aħħar gowl wasal fil-65 minuta permezz ta’ għal darb’oħra, Andriy Yarmolenko. L-Ukrejna jilagħbu l-ewwel partita tagħhom kontra l-Olanda, fil-Johan Cruyff Arena.

Agħfas fil-link biex issegwi siltiet mill-partita bejn l-Ukrajna u Ċipru