Għawdex Lokali

Il-PL jagħmel sarima ma’ ħalq is-Sindku tal-Qala għax ma rrepetiex il-kantaliena tat-tmexxija

Vittma oħra tas-sarima li l-Partit ta’ Robert Abela jagħmel fuq l-esponenti tiegħu li ma jaqblux miegħu hu s-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg wara li wera fil-pubbliku li jaqbel ma’ proposta tal-Partit Nazzjonalista.

Ftit tal-ġimgħat ilu, Buttigieg qal lil setturi differenti tal-media li jemmen li l-art qrib Ħondoq ir-Rummien għandha titqies bħala ODZ – jiġifieri li ma jkunx jista’ jsir żvilupp fiha. Pożizzjoni li tenniha wkoll fl-aħħar jiem, meta qal li qabel ma jsir dan, mhux se jkun qed iserraħ rasu.

B’rabta ma’ dan, il-Partit Nazzjonalista diġà qal li Gvern ġdid jimpenja ruħu li, fl-immedjat, jidħol f’negozjati ħalli dik l-art ma tibqax f’idejn il-privat u allura, li titneħħa darba għal dejjem it-theddida ta’ żvilupp fiz-zona.

Iżda wara l-pożizzjoni ċara li ħa, is-Sindku Laburista tal-Qala jidher li kien ikkuntattjat mit-tmexxija tal-Partit Laburista, li talbitu ma jitkellimx aktar fil-pubbliku dwar din l-art. Fil-fatt, mistoqsi minn NET News, is-Sindku wieġeb biss li jħoss, ilu jgħidu u m’għandux aktar xi jżid.

Paul Buttigieg waqqa’ wkoll il-messaġġ li pprova jgħaddi l-Prim Ministru u Mexxej Laburista 24 siegħa biss qabel – li l-art ingħaddiet lill-privat fl-aħħar snin ta’ Gvern Nazzjonalista. Fil-fatt, hu qal li l-każ ilu mill-anqas 20 sena … jew almenu, hu ilu daqshekk żmien jiddefendi din l-art.

Is-Sindku Laburista tal-Qala ilu diversi xhur jilmenta li mhux isib koperazzjoni minn sħabu stess tal-Partit Laburista, tant li hemm min qed jipprova jqaċċtu mill-kariga. Sinjal ieħor tas-sarima li l-Partit ta’ Robert Abela jagħmel fil-konfront ta’ persuni li ma jkunux qed jirrepetu l-kantaliena tat-tmexxija.