Internazzjonali

Imut l-aħħar suldat involut fil-liberazzjoni tal-kamp ta’ Auschwitz

Tħabbret il-mewt ta’ David Dushman, li kien l-aħħar eks-suldat li baqa’ ħaj fost it-truppi tal-Alleati li  ħadu sehem fil-liberazzjoni tal-kamp tal-mewt ta’ Auschwitz, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija. Hu kellu 98 sena.

Il-kamp ta’ Auschwitz, fil-Polonja, jibqa’ sinonimu mal-ġenoċidju li mexxew in-Nażisti ta’ Adolf  Hitler u l-politika għall-esterminazzjoni tal-Lhud mill-Ewropa.

Intant, Dushman, ta’ nisel Lhudi u eks membru tal-Armata l-Ħamra, miet fil-Ġermanja fi tmiem il-ġimgħa u jibqa’ magħruf għal meta, bħala suldat ta’ 21 sena, kien saq tank tal-gwerra għal fuq il-fence tal-elettriku madwar il-kamp ta’ Auschwitz biex jeħles lill-priġunieri fil-kumpless.

Fil-kamp ta’ Auschwitz inqatlu mal-1.1 miljuni – fil-parti kbira tagħhom Lhud – taħt idejn in-Nażisti.