Internazzjonali

In-Niġerja: Rapporti li l-Kap tal-Boko Haram qatel lilu nnifsu

Il-Kap tal-grupp militanti Iżlamiku Boko Haram hu rappurtat li qatel lilu nnifsu permezz ta’ splussivi u wara battalja qalila bejn il-grupp tiegħu u moviment rivali ta’ militanti li qed iżid l-influwenza tiegħu fil-pajjiż.

Il-grupp Stat Iżlamiku tal-Provinċja Afrikana tal-Punent qal, permezz ta’ rekording, li Abubakar Shekau, li tul is-snin mexxa diversi azzjonijiet terroristiċi tal-Boko Haram, ‘għażel li joqtol lilu nnifsu biex ma jiffaċċjax xhur u snin ta’ umiljazzjoni’.

Intant, Shekau kien diġà rrappurtat bħala ‘mejjet’ matul ix-xahar li għadda u sal-bieraħ, la l-Boko Haram u lanqas il-Gvern Niġerjan ma kkonfermaw is-suwiċidju tal-kap militanti.

Min-naħa tiegħu, il-kap tal-grupp militanti rivali, Abu Musab al-Barnawi, qal  li  Shekau ‘għażel it-triq tal-mewt’ wara li l-ġellieda tal-Istat Iżlamiku tal-Provinċja Afrikana tal-Punent ‘iċċirkondawh u offrewlu l-opportunità li jċedi u jissieħeb magħhom’.

Abubakar Shekau, intant, jibqa’ sinonimu ma’ snin ta’ atroċitajiet imwettqa mill-Boko Haram u li fihom spikkaw ir-rejds brutali fuq diversi villaġġi kif ukoll il-ħtif ta’ bniet mill-iskejjel.

Mhux ċar x’għandu jfisser il-mewt ta’ Shekau għall-Boko Haram, iżda hu kważi ċert li l-eliminazzjoni tiegħu mgħandhiex ittemm l-attivitajiet tal-ġiħadisti Iżlamiċi fin-Niġerja u f’zoni oħrajn fl-Afrika tal-Punent.

Fil-fatt, l-Istat Iżlamiku tal-Provinċja Afrikana tal-Punent qed isir dejjem aktar prominenti fir-reġjun wara li wettaq numru ta’ attakki effettivi kontra taqsimiet tal-Armata Niġerjana.