Lokali

Jiġbor aktar minn terz ta’ tunnellata skart minn madwar il-gżejjer Maltin

Armat biss b’dinghy, flippers, boroż u ħafna u ħafna enerġija, Mark Galea Pace nhar il-Ġimgħa beda tliet ijiem ta’ ġbir ta’ skart minn madwar il-kosta tal-gżejjer Maltin.

Mark Galea Pace kien jiġbor l-iskart u jgħum lura bih sad-dinghy

Xi ftit maħnuq bl-għejja wara tliet ijiem ta’ ħidma iebsa, Galea Pace tana l-ewwel kummenti tiegħu. Staqsejnih minn fejn nibtet l-idea ta’ din l-inizzjattiva.

KONT MORT KEMMUNA MAL-MARA U T-TIFEL U RAJNA L-BAJJA TA’ SANTA MARIA MAĦMUĠA ĦAFNA U GĦAMILNA SAGĦTEJN INNADDFU. U KOMPLEJT NAGĦMEL CLEAN UPS. GĦAMILT XI ĦAMSA SITTA MATUL IS-SENA

“Galea Pace spjegalna kif f’jumejn u nofs irnexxielu jiġbor madwar 56 borża ta’ skart. Dan minbarra ħbula, jerricans u debri ieħor. B’kollox ftit aktar minn terz ta’ tunnellata ta’ skart.

“L-AKTAR BAJJIET LI KIENU MAĦMUĠIN KIENU L-ĦOFRIET ĦDEJN DELIMARA U PARADISE BAY

Filgħaxija Mark kien jikkampja fuq l-art biex jistrieħ għall-għada

Huwa kien iqatta l-ġranet inaddaf, jiġbor l-iskart u jgħum lura lejn id-dinghy u bil-lejl kien jikkampja fuq l-art u jistrieħ biex jerġa’ jirkupra l-enerġija għall-għada.

Ħbieb u qraba, iżda anke ħafna membri tal-pubbliku taw sapport sħiħ lil Mark. Fost dawn kien hemm ħabib tiegħu li ġurnata qabel ma beda l-cleanup ċempillu u ħeġġu jibdiha mill-Ħofriet… għax ispirat minn sieħbu kien laħaq ġabar tliet boroż ta’ skart.

Appoġġ qawwi mill-ħbieb ta’ Mark Galea Pace

“KIEN HEMM RISPONS TAJJEB ĦAFNA MINN KULĦADD. JIEN ĠEJ MIS-SETTUR TAL-WATERPOLO. MILL-EWWEL TAWNI DONAZZJONI”

Huwa qal li diġa beda jaħseb biex fi ftit tax-xhur oħra jagħmel cleanup oħra, iżda din id-darba fuq skala akbar.

Il-fondi miġbura tul din l-inizjattiva se jmorru għand Nature Trust – organizzazzjoni non-Governattiva li taħdem għal aktar għarfien u preżervazzjoni tal-ambjent u għall-protezzjoni tal-fkieren u d-dniefel.