Fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, għaddejja ġmielha l-Maratona Ġbir ta’ Fondi, li hi attività importanti għall-ħidma tal-Partit, partikolarment biex isaħħaħ ir-riżorsi ħalli jibqa’ jwassal il-messaġġ lill-pubbliku.
Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi bdiet fis-2pm u tibqa’ għaddejja sal-11 ta’ filgħaxija. Din qed issir ukoll fid-dell tal-avvenimenti li żviluppaw fl-aħħar jiem, fosthom ir-rapport tal-NAO li mistenni jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin u li se juri kif il-poplu Malti u Għawdxi nsteraq 50 miljun ewro fl-aħħar tmien snin ta’ Gvern Laburista mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
F’kumment fil-bidu tal-attività, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, qal li l-għajnuna tal-pubbliku hi essenzjali għall-Partit għax jiddependi mill-għotjiet ġenerużi tal-ftit mill-ħafna, fost l-oħrajn biex ikompli jsaħħaħ il-media tradizzjonali u anke dik moderna tal-mezzi soċjali.

Is-Segretarju Ġenerali appella lill-pubbliku biex jinvesti b’risq il-vuċi tal-verità – il-vuċi tal-poplu – u “li l-PN ikun hemm għas-servizz tal-poplu Malti kollu”.
Fil-messaġġ tiegħu, fil-bidu tal-maratona, it-Teżorier tal-PN Mario Ellul qal li l-maratoni huma l-influss tal-finanzi li għandu bżonn biex jitmexxa ta’ kuljum il-partit, essenzjali għal għixien ta’ moviment u oppożizzjoni ta’ bidla effettiva.
Fiha qed jippartecipaw numru ta’ personalitajiet, prezentaturi ta’ Net TV, deputati tal-PN, kunsillieri kif ukoll kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni generali li ġejja.

