Lokali Qorti

Jitpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li ħebb għal raġel f’parkeġġ

Żagħżugħ tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li l-Qorti sabitu ħati li f’Settembru 2019 ħebb għal raġel f’parkeġġ ta’ stabbiliment kummerċjali. Jirriżulta li ż-żagħżugħ kien qed isuq il-karozza tiegħu wara dik misjuqa mill-vittma u beda jpaqpaqlu għax kien qed isuq bil-mod.

Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello semgħet kif iż-żagħżugħ – Luke Farrugia – waqqaf il-karozza ħdejn tal-vittma – Joseph Sammut – u kif dan tal-aħħar ħareġ minn tiegħu biex imur ħdejn tal-ieħor, seħħ l-argument. Kawża ta’ dan, il-vittma spiċċa jsofri minn feriti gravi.

Iż-żagħżugħ kien qal lill-Pulizija li r-raġel l-ieħor beda jsuq u jieqaf, tant li kważi kien se jibqa’ dieħel fih. Umbagħad, hu rah jiġġebbed għal xi ħaġa fil-karozza u meta daħħal idu fil-karozza, laqtu f’rasu qabel ma beda jistiednu għall-ġlied u joffendih. Kien għalhekk, qal, li ħareġ mill-karozza biex jiddefendi lilu nnifsu mir-raġel.

Iżda l-vittma qal li kien qed isuq bil-mod għax ried idur mar-roundabout li hemm barra l-istabbiliment. Minħabba li qal li ż-żagħżugħ kien qed joffendih, hu niżel, mar ħdejh u taptaplu fuq spalltu biex jgħidlu jikkalma, għalkemm dan baqa’ joffendih u saħansitra beda jagħtih bil-ponn. Għalkemm ammetta li kien irrabjat għaż-żagħżugħ, ir-raġel insista li ma niżilx biex iħebb għalih.

Il-Qorti rat filmat ta’ dak li ġara, fejn il-vittma deher jipprova jiftaħ il-bieba tal-karozza u anke daħħal idu ġewwa. Kien f’dan il-waqt li ż-żagħżugħ ħareġ, imbuttah u beda jagħtih bil-ponn qabel ma reġa’ rikeb il-karozza tiegħu u ħalla lill-vittma mal-art.

Il-Maġistrat qalet li meta l-vittma ħebb għaż-żagħżugħ, hu aġixxa b’mod inġust u gravi. Madankollu, innotat ukoll kif iż-żagħżugħ baqa’ jsawwat lill-vittma meta dan deher mitluf minn sensih mal-art. Kien għalhekk li sabitu ħati, għalkemm poġġietu taħt probation għal sentejn wara li kkunsidrat li kellu biss 20 sena meta seħħ l-inident u li kellu bżonn tal-kontroll f’ħajtu.

Barraminhekk, il-Qorti obbligatu wkoll biex għal żmien sena ma jikkomunikax mal-vittma għax ikun immultat €500, filwaqt li ordnatu jħallas €1,169 fi spejjeż tal-esperti li tqabbdu fil-kawża.