Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Pieni tal-mewt lil min ‘jimporta’ kultura barranija

epa08094513 A photo released by the official North Korean Central News Agency (KCNA) on 30 December 2019 shows North Korean leader Kim Jong-un presiding over the second-day session of the 5th Plenary Meeting of the 7th Central Committee of the Workers' Party of Korea, in Pyongyang, North Korea, 29 December 2019. EPA-EFE/KCNA EDITORIAL USE ONLY

Il-Korea ta’ Fuq komunista qed timplimenta liġi brutali ġdida li taħseb biex telimina kull ħjiel ta’ influwenza u kultura barranija – b’mod partikulari xejriet sinonimi mal-pajjiżi tal-Punent.

F’din is-sitwazzjoni, hi faċli biex persuna tispiċċa ffuċillata jekk tinqabad fil-pussess ta’ films u ħwejjeġ minn barra l-pajjiż – biċ-ċittadini jistgħu anki jingħataw il-piena massima jekk jesprimu ruħhom b’mod informali ‘li ma jdoqqx għal widnejn l-awtoritajiet komunisti’.

Intant, qed joħorġu rapporti dwar każi fejn persuni li nqabdu fil-pussess ta’ films barranin – fosthom produzzjonijiet drammatiċi maħduma fil-Korea t’Isfel – spiċċaw maqtula pubblikament ‘u quddiem ir-residenti kollha taz-zoni fejn kienu jgħixu’. In-nies bilfors li jridu jassistu għal dawn ix-xeni makabri biex ma jkunux ittimbrati bħala ‘tradituri’ f’għajnejn l-awtoritajiet.

L-istess awtoritajiet komunisti qed jinsistu bil-messaġġ li ‘it-traffikar tal-videos illegali jrid jitħallas b’mewt’ — u meta kollox qed jindika stat akbar ta’ paranoia qalb l-ogħla tmexxija ta’ Pyongyang li ma tridx li n-nies isiru jafu kif inhi l-ħajja barra l-Korea ta’ Fuq, li tibqa’ fost l-aktar Stati ripressivi fid-dinja.

Il-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, qed ikompli jenfasizza ‘is-saħħa tal-liġi ġdida kontra l-mentalità u ħsibijiet reazzjonarji’. F’din is-sitwazzjoni, in-nies li jinqabdu fil-pussess ta’ media mill-Korea t’Isfel, l-Istati Uniti u l-Ġappun iridu jiffaċċjaw il-piena kapitali waqt li n-nies li jinqabdu jsegwu dan il-materjal kapaċi jeħlu sa 15-il sena f’kamp tal-priġunerija.

Il-mandat aħrax minn Pyongyang ma jikkonċernax biss il-materjal viżiv – b’Kim Jong-un isejjaħ biex il-Lega taż-Żgħażagħ Koreani Komunisti ‘jieħdu passi kontra aġir individwali jew azzjonijiet anti-soċjalisti’ fost iż-żgħażagħ.

Dan meta Kim Jong-un qed jidher ‘ossessjonat’ b’li jwaqqaf kull użu ta’ lingwaġġ jew ‘slang’ barrani, l-istess bħall-istili tal-ilbies u tax-xagħar li naraw fost iż-żgħażagħ tal-Punent u li d-dittatur komunista jirreferi għalihom bħala ‘għodda perikolużi li jivvelenaw l-imħuħ’.