Lokali

“L-iżolament hi tortura. Mhemmx kelma oħra għaliha” – Id-Dekan tal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali

Id-dekan fi ħdan il-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi ppubblika rapport dwar l-iżolamet fil-ħabs Malti. Ir-rapport għandu l-għan li jqajjem kuxjenza u jiftaħ it-triq għal dibattitu dwar is-sistema korrettiva f’pajjiżna.

Id-dokument jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni preżenti fil-ħabs b’mod partikolari is-solitary confinement jew l-iżolament tal-priġunier.

Fl-introduzzjoni r-rapport jgħid li l-iżolament huwa ksur tad-drittijiet umani.

L-effetti negattivi fuq il-fiżjoloġija u l-psikoloġija

Id-dokument jitkellem dwar l-effetti tal-iżolament, fost l-oħrajn effetti negattivi ferm fuq il-fiżjoloġija u l-psikoloġija tal-bniedem. Dawn l-effetti jistgħu jibdew jinħassu mill-priġunier fi żmien ftit jiem biss li jkun tpoġġa f’iżolament.

L-effetti jistgħu jinkludu wkoll ħsara kbira fl-istat emottiv tal-individwu, li jirriżultaw fi żbroffi emottivi ta’ spiss. Priġunier jista’ jispiċċa fi stat ta’ ansjetà u depressjoni riżultat ta’ dan it-tip ta’ korrezzjoni.

Effetti oħra jinkludu alluċinazzjonijiet, illużjonijiet panic attacks, telf ta’ memorja, u problemi fil-konċentrazzjoni, paranoia, u episodji vjolenti.

Minbarra l-effetti emottivi u psikoloġiċi, hemm ukoll dawk fiżjoloġiċi, fejn persuna li tkun iżolata tista’ ssir sensittiva żżejjed għal stimoli bħal dwal u ħsejjes.  L-effetti jistgħu jestendu għal problemi fil-muskoli u letarġija.

Wieħed jista’ jesperjenza wkoll deterjorazzjoni fil-ħiliet soċjali tiegħu magħrufa bħala ‘mewt soċjali’. Dawn jinkludu soċjofobija, jew li wieħed jitlef l-abbiltà li jinteraġixxi ma’ persuni oħra.

L-impatt negattiv ma jinħasx biss mill-priġunieri. Ir-rapport jgħid uffiċjali tal-ħabs jitkellmu dwar livell ta’ stress ferm ogħla meta jaħdmu fis-sezzjoni tal-izolament.

Il-proposti tal-Fakultà

Il-prattika tal-iżolament hija kontroproduttiva fl-għanijiet tagħha meta wieħed iqis l-impatt negattiv ferm li jħalli fuq kull min hu involut fil-proċess. Dan minbarra li l-ispiża finanzjarja għal dan il-proċess huma ferm ogħla minn dak ta’ priġunerija normali.

Id-dokument jipproponi riforma sħiħa fil-leġiżlazzjoni, inkluż emendi fil-liġijiet ta’ Kapitlu 9 fil-Kodiċi Kriminali u t-tneħħija ta’ klawżoli marbuta ma’ iżolament.

Dan jsostni li s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna għandha tinvesti fi strutturi riabilitattivi u ta’ servizzi tal-kura speċjalizzati li tkun kapaċi tifforma priġunieri li joħorġu minnhom bħala ċittadini responsabbli  u mhux bil-kontra.

Ir-rapport jgħid li metodi bbażati fuq biżà ma jikkontribbwixxu assolutament xejn.