Lokali

“Partit li jrid jiġġedded u jkun Gvern alternattiv għal pajjiżna” – Bernard Grech

“Dan huwa partit li jrid jiġġedded u jkun Gvern alternattiv li jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi”.

Hekk sostna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta indirizza l-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN fejn tkellem dwar l-importanza tal-ħidma li qed issir fl-istrutturi tal-Partit bit-triq ‘il quddiem u bl-għan ewlieni li l-poplu jkollu Gvern alternattiv.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista waqqaf 14-il cluster biex titfassal il-politika tal-Partit. U bis-sehem ta’ 150 persuna, qed issir il-politika li qed tixpruna diversi proposti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-Isptar Monte Carmeli jingħalaq u jinfetaħ Sptar ġdid li jħares kif jixraq lejn is-saħħa mentali tal-poplu Malti u Għawdxi, filwaqt li nsista li Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq proprju dan.

Bernard Grech tkellem dwar il-kawża li l-Partit Nazzjonalista qed imexxi dwar is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, bil-Gvern Laburista jinjora għalkollox dan is-serq sfaċċat għad-dannu taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex ma jkomplix jitlef ħin u jieħu azzjoni fil-konfront tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, wara li spiċċa investigat mill-Pulizija b’rabta ma’ allegazzjonijiet li qed isiru dwaru.

Min-naħa l-oħra, Bernard Grech kompla li l-Ambjent hu pilastru importanti fil-politika ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista, filwaqt li tenna li taħt Gvern immexxi minnu, art qrib Ħondoq ir-Rummien tinxtara u tinbidel f’Park Nazzjonali.

Hu saħaq li hu importanti ferm li nibqgħu ninvestu ħalli jitwassal il-messaġġ għand in-nies u verament ikollna paġna ġdida għal pajjiżna

Sadanittant, aktar kmieni matul il-Maratona, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien mas-Sinjura tiegħu AnneMarie u uliedhom tkellmu fost oħrajn dwar il-valuri tal-familja u l-għaqda. Huma rringrazzjaw lill-poplu Malti u Għawdxi għall-appoġġ li juruhom kemm ilhom fil-ħajja pubblika, filwaqt li esprimew l-ottimiżmu tagħhom li flimkien nerġgħu nibdew ngħixu ħajja kif konna nafuha qabel il-pandemija.