Wara li rrnexxilhom jikkwalifikaw għall-Euro 2020, ir-riżultati miksuba, speċjalment fl-aħħar partiti, ftit li xejn kienu tajbin.
Wara 82 sena ta’ stennija u parteċipazzjoni f’xejn inqas minn 30 grupp ta’ kwalifikazzjoni differenti, li f’kollha qatt ma kellhom suċċess, sa fl-aħħar it-tim Nordiku tal-Finlandja rnexxilu jagħmilha mal-pajjiżi finalisti f’edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej. Dan hu mument storiku għal dan in-nazzjon u meta tqis li fil-passat u f’eri differenti, dan it-tim nazzjonali kellu plejers ta’ klassi mondjali, bħal mhuma l-eks difensur ċentrali ta’ Liverpool, Sami Hyypia u l-istilla ta’ Ajax, Jari Litmanen iżda xorta qatt ma kkwalifikaw għall-fażi finali ta’ kompetizzjoni bħal din, allura bilfors li tfaħħar il-qalb tal-iskwadra preżenti.
Immexxija mill-kowċ Markku Kanerva, il-Finlandja se jkunu qed jiddebuttaw fil-Euro 2020 wara li fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni huma temmew fit-tieni post, tnax-il punt wara r-rebbieħa tal-grupp, l-Italja. L-akbar protagonist fil-mixja għal dan ir-riżultat storiku kien l-attakkant ta’ Norwich City, Teemu Pukki li skorja għaxra mis-16-il gowl tal-Finlandja f’dan il-grupp.
Għall-ewwel darba l-futbol sar jitqies popolari fil-pajjiż daqs l-aktar dixxiplini sportivi segwiti lokalment ċioè l-ice hockey u l-iskiing. Fost l-ismijiet il-kbar f’din l-iskwadra hemm dak tal-gowlkiper Lukas Hradecky li jilgħab ma’ Bayern Leverkusen. Fid-difiża hemm Joona Toivio filwaqt li fin-nofs tal-pitch insibu l-captain ta’ dan it-tim, Tim Sparv li għandu 34 sena u Robin Lod li jilgħab fil-Major League Soccer fl-Istati Uniti ma’ Minnesota United. Fl-attakk l-iskorer prolifiku Pukki, li warajh għandu esperjenza ta’ 90 partita internazzjonali ma’ pajjiżu u skorja xejn inqas minn 30 gowl.
Il-Finlandja se tkun qed tilgħab bla pressjoni, u kwalunkwè riżultat ta’ dro jew rebħa f’din il-kompetizzjoni hu meqjus bħala bonus għal dan il-pajjiż debuttant.