EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | Eriksen u sħabu b’mira li jiksbu l-aqwa riżultat possibbli għad-Danimarka

Partitarji Daniżi waqt waħda mill-partiti riċenti tat-tim nazzjonali

Flimkien mal-Belġju, f’Grupp B, id-Daniżi huma meqjusa bħala l-akbar sfidanti b’potenzjal li jkomplu javvanzaw f’din l-edizzjoni tal-Euro

Fl-aħħar edizzjoni tal-Euro 2016, id-Danimarka ma kinux fost il-pajjiżi finalisti, iżda ħames snin wara dan il-pajjiż Nordiku kiseb kwalifikazzjoni għad-disa’ darba fl-istorja.

Il-kowċ Daniż, Kasper Hjulmand waqt intervista ma’ stazzjon televiżiv lokali.
Il-partitarji Daniżi jiċċelebraw f’jum il-konferma matematika li t-tim nazzjonali tagħhom kien ikkwalifika għall-Euro 2020.

Immexxija mill-kowċ Norveġiż Åge Hareide, id-Daniżi temmew fit-tieni post fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni li kien mirbuħ mill-Iżvizzera, b’differenza ta’ punt. Madankollu l-kuntratt ta’ Hareide mad-Danimarka kien jiskadi fis-sajf tal-2020 u anke jekk hu mexxa lil dan it-tim nazzjonali għal rekord ta’ xejn inqas minn 34 partita konsekuttiva mingħajr telfa, il-federazzjoni tal-futbol fid-Danimarka għażlet li ma testendix il-kuntratt tiegħu u minflok ħatret lil Kasper Hjulmand. Dan tal-aħħar se jkun qed imexxi t-tim waqt din l-avventura Daniża fil-Euro 2020, b’mira li l-iskwadra tavvanza l-aktar possibbli f’din il-kompetizzjoni.

F’għaxar partiti li fihom serva bħala kowċ tad-Danimarka, Kasper Hjulmand rebaħ seba’ partiti u tilef biss darbtejn.

Il-kuntratt ta’ Hareide, illum eks kowċ tad-Danimarka, kien jiskadi fis-sajf tal-2020 u anke jekk hu mexxa lil dan it-tim nazzjonali għal rekord ta’ xejn inqas minn 34 partita konsekuttiva mingħajr telfa, il-federazzjoni tal-futbol fid-Danimarka għażlet li ma testendix it-terminu tiegħu u minflok ħatret lil Kasper Hjulmand.

Christian Eriksen hu meqjus bħala wieħed mill-aktar plejers importanti fit-tim nazzjonali Daniż.

L-istilla ta’ din l-iskwadra hu l-midfielder ta’ klassi Christian Eriksen. Anke jekk il-forma ta’ dan il-plejer ma baqgħetx l-istess kemm ilu li ssieħeb ma’ Inter mingħand Tottenham Hotspur, Eriksen jibqa’ wieħed mill-aqwa plejers li se naraw f’dan it-turnew. Hjulmand jaddatta sistema li tagħti aktar spazju sabiex Eriksen jilgħab bil-mod favorit tiegħu f’nofs il-grawnd.

Kasper Schmeichel
Pierre-Emile Hojbjerg
Yussuf Poulsen

Is-saħħa Daniża hi kkumplimentata wkoll bil-preżenza tal-gowlkiper ta’ Leicester City, Kasper Schmeichel u t-talent tekniku u tattiku ta’ plejers oħra bħal Pierre-Emile Hojbjerg, Thomas Delaney, Martin Braithwaite u Yussuf Poulsen. Id-Danimarka x’aktarx se tkun qed tilgħab b’sistema tattika ta’ 4-2-3-1; l-istess sistema li Hjulmand għażel li jilgħab fl-ewwel tliet partiti ta’ din is-sena u li fihom impressjonaw mhux ftit. Huma rebħu kontra Iżrael, il-Moldova u l-Awstrija u skorjaw 14-il gowl, filwaqt li ma sofrew ebda gowl.

Tfajla Daniża titbissem, waqt li tittama li matul dan ix-xahar tibqa’ titbissem bir-riżultati li jiksbu d-Danimarka fil-Euro 2020.

Is-26 plejer tad-Danimarka għall-Euro 2020

Kowċ: Kasper Hjulmand

Gowlkipers: Kasper Schmeichel (Leicester), Jonas Lossl (FC Midtjylland), Frederik Ronnow (Schalke)

Frederik Ronnow
Simon Kjaer

Difensuri: Simon Kjaer (AC Milan), Andreas Christensen (Chelsea), Jannik Vestergaard (Southampton), Joachim Andersen (Fulham), Mathias Jorgensen (Copenhagen), Daniel Wass (Valencia), Jens Stryger Larsen (Udinese), Joakim Maehle (Atalanta), Nicolai Boilesen (Copenhagen)

Midfielders: Christian Eriksen (Inter Milan), Thomas Delaney (Borussia Dortmund), Pierre-Emile Hojbjerg (Tottenham), Mathias Jensen (Brentford), Christian Norgaard (Brentford), Anders Christiansen (Malmo)

Thomas Delaney
Martin Braithwaite

Attakkanti: Kasper Dolberg (Nice), Jonas Wind (Copenhagen), Andreas Cornelius (Parma), Martin Braithwaite (Barcelona), Robert Skov (Hoffenheim), Mikkel Damsgaard (Sampdoria), Yussuf Poulsen (Leipzig), Andreas Skov Olsen (Bologna)