Biex waslu sal-finali tal-Euro 2020, huma temmew it-tieni fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, u li kien mirbuħ mill-Belġju. Fid-darbtejn li lagħbu kontra tagħhom tilfu, u f’Grupp B se jerġgħu jilgħabu kontra tagħhom.
Fl-aħħar Tazza tad-Dinja tal-2018, ir-Russja organizzaw il-kompetizzjoni u kienu t-tim bl-aktar ranking baxx tal-FIFA minn fost il-pajjiżi finalisti. Minkejja dan, huma ssorprendew u taħt it-tmexxija teknika ta’ Stanislav Cherchesov, avvanzaw sal-kwarti tal-finali u kienu eliminati biss fil-ħin barrani kontra l-Kroazja. Tliet snin wara, l-istess tim, bl-istess qalb u passjoni, immotivata mill-abiltà teknika ta’ Cherchesov, se jkun qed jilgħab fil-Euro 2020.
Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonati Ewropej, ir-Russja temmew it-tieni fi grupp li kien iddominat mill-Belġju u li kontra tagħhom huma tilfu l-uniċi żewġ partiti tal-grupp.
Fl-aħħar partiti qabel il-bidu ta’ din il-kompetizzjoni, ir-Russi kienu qed jalternaw is-sistema tattika tagħhom minn 4-2-3-1 għal 3-4-2-1. Fiż-żewġ sistemi ta’ logħob, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena li jilgħab ma’ Monaco, Aleksandr Golovin, għandu rwol sinifikanti. Golovin hu wieħed mit-talenti l-kbar ta’ dan it-tim. Il-versatilità tiegħu hi teknika li tiddistingwih minn oħrajn. Kapaċi jesprimi veloċità bil-ballun u b’saqajh it-tnejn u b’hekk mingħajr dubju dawn huma attribwiti li jagħtu valur akbar lill-plejer.
L-istil tal-logħba tiegħu tikkombina tajjeb ma’ dak tal-attakkant ta’ 32 sena, Artem Dzyuba. L-iskorer prolifiku ta’ Zenit għandu t-tul u juża’ dan favur tiegħu. Hu skorja ammont impressjonanti ta’ 24 gowl fi 42 partita internazzjonali u l-logħba Russa hi bbażata ħafna fuq l-abiltajiet tekniċi ta’ Golovin u Dzyuba, b’importanza fuq l-azzjonijiet ta’ kontrattakk.
Il-prospetti ta’ dan it-tim f’din l-edizzjoni huma tajbin, u jekk jerġgħu jkunu kapaċi jilagħbu bl-istess grinta, passjoni u qlubija li kienu wrew fit-Tazza tad-Dinja tal-2018, allura kwalunkwè riżultat jista’ jkun possibbli għar-Russja, inkluż li jirrepetu dak li rnexxilhom jagħmlu fl-2008, meta kienu waslu sas-semifinali fl-edizzjoni li kienet saret b’mod konġunt fl-Awstrija u l-Iżvizzera rispettivament.