EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | Il-passjoni u l-qlubija Russa tista’ terġa’ tagħti s-sorpriżi

Il-partitarji Russi huma magħrufa sew għall-entużjażmu u l-passjoni li għandhom lejn it-tim nazzjonali tal-futbol

Biex waslu sal-finali tal-Euro 2020, huma temmew it-tieni fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, u li kien mirbuħ mill-Belġju. Fid-darbtejn li lagħbu kontra tagħhom tilfu, u f’Grupp B se jerġgħu jilgħabu kontra tagħhom.

Fl-aħħar Tazza tad-Dinja tal-2018, ir-Russja organizzaw il-kompetizzjoni u kienu t-tim bl-aktar ranking baxx tal-FIFA minn fost il-pajjiżi finalisti. Minkejja dan, huma ssorprendew u taħt it-tmexxija teknika ta’ Stanislav Cherchesov, avvanzaw sal-kwarti tal-finali u kienu eliminati biss fil-ħin barrani kontra l-Kroazja. Tliet snin wara, l-istess tim, bl-istess qalb u passjoni, immotivata mill-abiltà teknika ta’ Cherchesov, se jkun qed jilgħab fil-Euro 2020.

Stanislav Cherchesov ilu fit-tmun tat-tim nazzjonali Russu minn Awwissu tal-2016. Mexxa lir-Russja f’aktar minn 50 partita u sal-lum rebaħ kważi nofs l-ammont tal-konfronti li fihom kien kowċ.

Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonati Ewropej, ir-Russja temmew it-tieni fi grupp li kien iddominat mill-Belġju u li kontra tagħhom huma tilfu l-uniċi żewġ partiti tal-grupp.

Wieħed mill-aqwa elementi fl-iskwadra Russa hu Aleksandr Golovin. Kapaċi jesprimi veloċità bil-ballun u b’saqajh it-tnejn.

Aleksandr Golovin għadu kemm għalaq 25 sena u jilgħab f’Ligue 1 ma’ Monaco fi Franza.

Fl-aħħar partiti qabel il-bidu ta’ din il-kompetizzjoni, ir-Russi kienu qed jalternaw is-sistema tattika tagħhom minn 4-2-3-1 għal 3-4-2-1. Fiż-żewġ sistemi ta’ logħob, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena li jilgħab ma’ Monaco, Aleksandr Golovin, għandu rwol sinifikanti. Golovin hu wieħed mit-talenti l-kbar ta’ dan it-tim. Il-versatilità tiegħu hi teknika li tiddistingwih minn oħrajn. Kapaċi jesprimi veloċità bil-ballun u b’saqajh it-tnejn u b’hekk mingħajr dubju dawn huma attribwiti li jagħtu valur akbar lill-plejer.

L-istil tal-logħba tiegħu tikkombina tajjeb ma’ dak tal-attakkant ta’ 32 sena, Artem Dzyuba. L-iskorer prolifiku ta’ Zenit għandu t-tul u juża’ dan favur tiegħu. Hu skorja ammont impressjonanti ta’ 24 gowl fi 42 partita internazzjonali u l-logħba Russa hi bbażata ħafna fuq l-abiltajiet tekniċi ta’ Golovin u Dzyuba, b’importanza fuq l-azzjonijiet ta’ kontrattakk.

Il-plejers tat-tim nazzjonali Russu, jiċċelebraw wara wieħed mit-33 gowl li dan it-tim skorja fil-mixja tagħhom għall-fażi finali tal-Euro 2020.

Il-prospetti ta’ dan it-tim f’din l-edizzjoni huma tajbin, u jekk jerġgħu jkunu kapaċi jilagħbu bl-istess grinta, passjoni u qlubija li kienu wrew fit-Tazza tad-Dinja tal-2018, allura kwalunkwè riżultat jista’ jkun possibbli għar-Russja, inkluż li jirrepetu dak li rnexxilhom jagħmlu fl-2008, meta kienu waslu sas-semifinali fl-edizzjoni li kienet saret b’mod konġunt fl-Awstrija u l-Iżvizzera rispettivament. 

Koppja Russa waqt waħda mill-partiti riċenti tal-iskwadra nazzjonali Russa, taħt it-tmexxija tal-kowċ Stanislav Cherchesov.

Is-26 plejer tar-Russja għall-Euro 2020

Kowċ: Stanislav Cherchesov

Anton Shunin

Gowlkipers: Yuri Dyupin (Rubin), Matvei Safonov (Krasnodar), Anton Shunin (Dinamo Moskva)

Difensuri: Georgi Dzhikiya (Spartak Moskva), Igor Diveev (CSKA Moskva), Yuri Zhirkov (Zenit), Vyacheslav Karavaev (Zenit), Fedor Kudryashov (Antalyaspor), Andrei Semenov (Akhmat), Mario Fernandes (CSKA Moskva)

Vyacheslav Karavaev
Aleksei Miranchuk

Midfielders: Dmitri Barinov (Lokomotiv Moskva), Rifat Zhemaletdinov (Lokomotiv Moskva), Maksim Mukhin (CSKA Moskva), Aleksandr Golovin (Monaco), Daniil Fomin (Dinamo Moskva), Roman Zobnin (Spartak Moskva), Alexei Ionov (Krasnodar), Daler Kuzyayev (Zenit), Andrei Mostovoy (Zenit), Magomed Ozdoev (Zenit), Denis Makarov (Rubin), Aleksei Miranchuk (Atalanta), Denis Cheryshev (Valencia)

Attakkanti: Artem Dzyuba (Zenit), Anton Zabolotny (CSKA Moskva), Aleksandr Sobolev (Spartak Moskva)

Artem Dzyuba
Il-partitarji Russi se jkollhom l-opportunitá li waqt din l-edizzjoni tal-Euro 2020, isegwu seba’ partiti minn total ta’ 51 logħba, fl-istadium ta’ San Pietruburgu.
Uċuħ ferħana u miżbugħa bħala parti mill-appoġġ lejn it-tim nazzjonali Russu.