Se jilgħabu mingħajr il-captain Virgil van Dijk, iżda xorta hu mistenni li jikkwalifikaw minn Grupp Ċ tal-Euro 2020
L-oranġjo Ewropej huma mill-ġdid fost il-pajjiżi finalisti f’waħda miż-żewġ kompetizzjonijiet il-kbar tad-dinja, il-Euro 2020. Fl-aħħar deċenju, it-tim nazzjonali Olandiż ma mexiex man-norma tas-snin preċedenti u ddiżappunta bil-kbir meta għal żewġ kompetizzjonijiet konsekuttivi fallew il-kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-Euro 2016 u t-Tazza tad-Dinja tal-2018. Għaxar snin ilu, huma kienu fit-tieni post fil-klassifika tar-rankings tal-FIFA, iżda fis-snin ta’ wara r-riżultati tagħhom kienu tant ħżiena li niżlu sat-22 post. Illum irkupraw numru ta’ postijiet u jinsabu fl-14-il post ta’ din il-klassifika.

L-għażla ta’ Frank De Boer bħala kowċ tal-Olanda hi meqjusa minn bosta bħala waħda diskutibbli
Wara li mexxa lill-Olanda għall-kwalifikazzjoni, u l-finali tal-Euro 2020 kienet posposta b’sena, Ronald Koeman għażel li jispiċċa minn kowċ tal-Olanda biex isir kowċ ta’ Barcelona. Is-suċċessur magħżul bħala kowċ nazzjonali kien Frank De Boer.
Ronald Koeman kien il-kowċ tal-Olanda għall-partiti fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni. B’tim kompost minn ġenerazzjoni ta’ plejers ta’ kwalità, fosthom Georginio Wijnaldum, Matthijs de Ligt, Frenkie de Jong, Memphis Depay u oħrajn, l-Olanda temmew it-tieni fi Grupp Ċ; żewġ punti biss taħt l-ewwel post, il-Ġermanja. Sena ilu, meta l-Covid-19 ippospona l-organizzazzjoni ta’ dan it-turnament Ewropew b’sena, Koeman għażel li jispiċċa mill-kariga ta’ kowċ nazzjonali biex issieħeb ma’ Barcelona. Is-suċċessur ta’ Koeman kien Frank de Boer. Kienet għażla diskutibbli, l-aktar għaliex l-eks plejer tal-istess tim nazzjonali tkeċċa tliet darbiet mir-rwol ta’ kowċ ta’ tliet klabbs differenti.
Taħt de Boer, l-Olanda qed tilgħab b’sistema tradizzjonali ta’ 4-3-3 jew 5-3-2, b’rwol ħieles u importanti għal Memphis Depay.

Fl-ewwel tmien partiti ta’ De Boer fit-tmexxija tal-oranġjo, mhux li impressjona tant. Erba’ rebħiet, tliet dros u telfa. Taħt de Boer, l-Olanda qed tilgħab b’sistema tradizzjonali ta’ 4-3-3 jew 5-3-2, fejn l-attakkant ta’ Lyon, Depay jingħata rwol ħieles. L-inklużjoni ta’ de Jong f’din l-iskwadra toffri flessibiltà u għażliet differenti għal De Boer, peress li l-plejer ta’ Barcelona kapaċi jilgħab kważi f’kull rwol; minn difensur sa attakkant.


It-telfa ta’ 4-2 kontra t-Turkija f’Marzu li għadda, kompliet iżżid il-pressjoni fuq it-tim. X’aktarx, is-suċċess tal-Olanda f’din il-kompetizzjoni se jkun qed jiddependi fuq il-forma ta’ Depay u wisq aktar fuq l-effett li se jkollu fuq il-bqija tal-iskwadra, in-nuqqas tad-difensur ċentrali, Virgil van Dijk, li llu mmweġġa’ minn Ottubru u baqa’ ma rrkuprax fil-ħin għall-Euro 2020. Fuq il-karta l-Olanda huma l-favoriti tal-grupp u l-minimu mistenni minnhom hu li jikkwalifikaw għal mal-aħħar 16 tal-Euro 2020.

Is-26 plejer tal-Olanda għall-Euro 2020
Kowċ: Frank De Boer


Gowlkipers: Tim Krul (Norwich), Maarten Stekelenburg (Ajax), Marco Bizot (AZ)
Difensuri: Patrick van Aanholt (Crystal Palace), Nathan Ake (Manchester City), Daley Blind (Ajax), Denzel Dumfries (PSV), Matthijs de Ligt (Juventus), Jurrien Timber (Ajax), Joel Veltman (Brighton), Stefan de Vrij (Inter Milan), Owen Wijndal (AZ)


Midfielders: Donny van de Beek (Manchester United), Ryan Gravenberch (Ajax), Frenkie de Jong (Barcelona), Davy Klaassen (Ajax), Teun Koopmeiners (AZ), Marten de Roon (Atalanta), Georginio Wijnaldum (Liverpool)
Attakkanti: Steven Berghuis (Feyenoord), Cody Gakpo (PSV), Luuk de Jong (Sevilla), Donyell Malen (PSV), Memphis Depay (Lyon), Quincy Promes (Spartak Moskva), Wout Weghorst (Wolfsburg)
