Lokali

Tingħata tislima lill-vittmi tas-Sette Giugno

Is-7 ta’ Ġunju hu l-jum li fih niftakru għal-liem għan ħutna Maltin mietu għalih. Illum hu l-jum li fih infakkru t-telfa ta’ erba’ Maltin li tilfu ħajjithom waqt l-irvellijiet tal-1919 fil-Belt Valletta.

Hekk sostna l-Kappillan tal-Korp tal-Pulizija Raymond Bonnici, fil-jum li tfakkar il-Festa Nazzjonali tas-Sette Giugno. It-Tnejn filgħodu ngħatat tislima lill-vittmi ta’ dan il-jum fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, kif ukoll il-President tal-Kumitat Festi Nazzjonali u l-qraba tal-vittmi qegħdu kuruni ta’ fjuri fuq il-Qabar ta’ dawn il-martri tal-patrija … Maltin ħutna li ċarċru demmhom għal pajjiżna.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Banda tal-Pulizija, filwaqt li qabel it-tqegħid tal-fjuri, inżammet minuta silenzju ad unur il-vittmi: Emmanuele Attard minn tas-Sliema, Lorenzo Dyer mill-Birgu, Carmelo Abela mill-Belt u Giuseppe Bajada minn Għawdex.

Riżultat tal-irvellijiet kienu mietu b’kollox sitt persuni, filwaqt li 50 persuna ndarbu.

Min-naħa tiegħu, fuq il-mezzi soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li f’dan il-jum, il-poplu jfakkar il-qalb tagħna l-Maltin, li meta ħabbatna wiċċna mal-ostilità, dejjem weġibna bħala poplu magħqud biex għelibna l-ostalki.

Hu nsista li filwaqt li mill-1919 iċ-ċirkostanzi nbidlu, il-prinċipju għadu wieħed – li ningħaqdu bħala poplu bl-għan li negħlbu l-isfidi li jheddu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

L-irvellijiet li seħħew aktar minn mitt sena ilu kienu frott l-iskarsezzi li ġabet magħha qalb il-Maltin l-Ewwel Gwerra Dinjija – l-għaks u l-faqar li kien hawn fil-pajjiż, minkejja li ironikament kien hawn ħafna xogħol, b’fost oħrajn il-ħobz jogħla d-doppju.

Sentejn wara dawn l-avvenimenti, Malta ngħatat Kostituzzjoni ġdida, li permezz tagħha l-Maltin kisbu l-Gvern immexxi minnhom għall-ewwel darba.

Kienu bosta l-kotba li fakkru l-ġrajjiet tas-Sette Giugno, biex ma tintesiex il-memorja ta’ dawn il-vittmi – bl-aħħar wieħed ikun film miktub minn Jean Pierre Magro, bl-isem ta’ “Storbju, Just Noise”, bil-parteċipazzjoni ta’ atturi famużi bħal Harvey Keitel u Malcolm McDowell – fost diversi atturi lokali.