B’Shevchenko kowċ tat-tim nazzjonali, l-Ukrajna huma aqwa mill-aħħar edizzjoni tal-Euro u kapaċi jkunu l-underdogs tat-turnament
L-Ukrajna hu wieħed mit-timijiet rebbieħa fl-għaxar gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020. Huma temmew l-ewwel fi grupp li kien iddominat minnhom, il-Portugall u s-Serbja. L-Ukreni rnexxilhom jispiċċaw l-ewwel, bi tliet punti vantaġġ fuq is-Seleção u mingħajr ma tilfu partita, iżda kellhom żewġ dros.
Din se tkun it-tielet edizzjoni konsekuttiva li dan il-pajjiż eks Sovjetiku se jkun qed jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni Ewropea. Il-fortuna u r-riżultati tajbin kienu assenti fid-darbtejn li lagħbu, anke meta fl-2012 kienu pparteċipaw għall-ewwel darba u flimkien mal-Awstrija kienu organizzaw l-edizzjoni ta’ dik is-sena.
Sal-lum, l-Ukrajna qatt ma rnexxilhom jaqbżu l-istadju tal-gruppi fil-finali tal-Kampjonati Ewropej.
Dakinhar, fl-2012, fl-iskwadra Ukrena kien hemm l-aqwa skorer ta’ kull żmien tat-tim nazzjonali, Andriy Shevchenko. Ir-rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb fl-2004, illum hu l-kowċ tal-Ukrajna u kien hu li mexxa lil dan it-tim għall-kwalifikazzjoni. L-Ukrajna huma meqjusa bħala t-tieni l-akbar forza ta’ Grupp Ċ, wara l-Olanda, u sal-lum qatt ma rnexxilhom jaqbżu l-istadju tal-gruppi fil-finali tal-Kampjonati Ewropej.
F’ħames snin li ilu jmexxi lil dan it-tim nazzjonali, Shevchenko kien flessibbli ħafna fl-għażliet tiegħu u għamel użu ta’ xejn inqas minn 60 plejer differenti. Il-mod tattiku l-aktar preferut minn Shevchenko hu dak ta’ 4-3-3. Huma jattakkaw ħafna bil-kontrattakki, iżda l-eks fenomenu ta’ Milan jemmen ħafna fuq il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ tattiku fil-mod ta’ kif jilgħab it-tim u jagħti importanza għad-dominju tal-pussess bil-ballun f’kull partita.
It-tamiet tal-Ukrajna li jiktbu l-istorja u għall-ewwel darba jirnexxilhom jaslu mal-aħħar 16-il tim ta’ din il-kompetizzjoni huma possibbli. Il-prestazzjonijiet ta’ din l-iskwadra fl-aħħar snin, kienu konferma tal-organizzazzjoni tattika imposta minn Shevchenko. Din l-organizzazzjoni tispikka l-aktar fid-difiża, tant li fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni huma sofrew biss erba’ gowls fi tmien partiti li lagħbu. Fl-istess waqt, it-tim m’għandux l-istess saħħa fl-attakk, anke jekk fost l-għażliet ta’ Shevchenko hemm l-attakkant ta’ West Ham United, Andriy Yarmolenko. L-istatistika tindika biċ-ċar li l-Ukrajna tal-lum hi nieqsa minn skorer prolifiku u kostanti, bħal ma kien Shevchenko fi żmienu. Għalhekk il-kollettiv hu importanti.