EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | L-Ukrajna b’ambizzjoni li jiksbu l-aqwa riżultat f’din il-kompetizzjoni

Tfajla Ukrena waqt waħda mill-partiti internazzjonali tat-tim nazzjonali, tagħti l-appoġġ lill-Ukrajna, waqt li kompliet issebbaħ l-ispettaklu fil-grawnd

B’Shevchenko kowċ tat-tim nazzjonali, l-Ukrajna huma aqwa mill-aħħar edizzjoni tal-Euro u kapaċi jkunu l-underdogs tat-turnament

L-Ukrajna hu wieħed mit-timijiet rebbieħa fl-għaxar gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020. Huma temmew l-ewwel fi grupp li kien iddominat minnhom, il-Portugall u s-Serbja. L-Ukreni rnexxilhom jispiċċaw l-ewwel, bi tliet punti vantaġġ fuq is-Seleção u mingħajr ma tilfu partita, iżda kellhom żewġ dros.

Din se tkun it-tielet edizzjoni konsekuttiva li dan il-pajjiż eks Sovjetiku se jkun qed jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni Ewropea. Il-fortuna u r-riżultati tajbin kienu assenti fid-darbtejn li lagħbu, anke meta fl-2012 kienu pparteċipaw għall-ewwel darba u flimkien mal-Awstrija kienu organizzaw l-edizzjoni ta’ dik is-sena.

Il-mod tattiku l-aktar preferut minn Shevchenko hu dak ta’ 4-3-3. Huma jibbażaw ħafna mill-logħba tagħhom fuq il-kontrattakki u d-dominju tal-pussess bil-ballun.

Andriy Shevchenko llu kowċ tal-Ukrajna minn Lulju tal-2016. Sal-lum hu mexxa lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu fi kważi 50 logħba internazzjonali u tilef biss fi 11-il logħba.

Sal-lum, l-Ukrajna qatt ma rnexxilhom jaqbżu l-istadju tal-gruppi fil-finali tal-Kampjonati Ewropej.

Dakinhar, fl-2012, fl-iskwadra Ukrena kien hemm l-aqwa skorer ta’ kull żmien tat-tim nazzjonali, Andriy Shevchenko. Ir-rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb fl-2004, illum hu l-kowċ tal-Ukrajna u kien hu li mexxa lil dan it-tim għall-kwalifikazzjoni. L-Ukrajna huma meqjusa bħala t-tieni l-akbar forza ta’ Grupp Ċ, wara l-Olanda, u sal-lum qatt ma rnexxilhom jaqbżu l-istadju tal-gruppi fil-finali tal-Kampjonati Ewropej.

Il-line-up tal-Ukrajna għall-partita li lagħbu f’Marzu li għadda kontra I-Każakstan

F’ħames snin li ilu jmexxi lil dan it-tim nazzjonali, Shevchenko kien flessibbli ħafna fl-għażliet tiegħu u għamel użu ta’ xejn inqas minn 60 plejer differenti. Il-mod tattiku l-aktar preferut minn Shevchenko hu dak ta’ 4-3-3. Huma jattakkaw ħafna bil-kontrattakki, iżda l-eks fenomenu ta’ Milan jemmen ħafna fuq il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ tattiku fil-mod ta’ kif jilgħab it-tim u jagħti importanza għad-dominju tal-pussess bil-ballun f’kull partita.

Arja ta’ ottimiżżmu mill-partitarji Ukreni qabel il-bidu tal-Euro 2020
L-attakkant ta’ West Ham United fil-Premier League Ingliż, Andriy Yarmolenko

It-tamiet tal-Ukrajna li jiktbu l-istorja u għall-ewwel darba jirnexxilhom jaslu mal-aħħar 16-il tim ta’ din il-kompetizzjoni huma possibbli. Il-prestazzjonijiet ta’ din l-iskwadra fl-aħħar snin, kienu konferma tal-organizzazzjoni tattika imposta minn Shevchenko. Din l-organizzazzjoni tispikka l-aktar fid-difiża, tant li fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni huma sofrew biss erba’ gowls fi tmien partiti li lagħbu. Fl-istess waqt, it-tim m’għandux l-istess saħħa fl-attakk, anke jekk fost l-għażliet ta’  Shevchenko hemm l-attakkant ta’ West Ham United, Andriy Yarmolenko. L-istatistika tindika biċ-ċar li l-Ukrajna tal-lum hi nieqsa minn skorer prolifiku u kostanti, bħal ma kien Shevchenko fi żmienu. Għalhekk il-kollettiv hu importanti.

L-Ukrajna jinsabu fl-24 post fir-rankings tal-FIFA u l-aħjar post li qatt kienu f’din il-klassifika dinija kien fl-2007. Dak in-nhar huma kienu fil-11-il post.

Sal-lum, il-partitarji tal-futbol fl-Ukrajna, kellhom iċ-ċans li jaraw lit-tim nazzjonali tagħhom jilgħab fil-finali tal-aħħar żewġ edizzjonijiet konsekuttivament. Madankollu fid-darbtejn, l-Ukrajna qatt ma rrnexxilha tikkwalifika għall-istadju ta’ wara l-gruppi.

Is-26 plejer tal-Ukrajna għall-Euro 2020

Kowċ: Andriy Shevchenko

Andriy Pyatov

Gowlkipers: Georgiy Bushchan (Dynamo Kyiv), Andriy Pyatov (Shakhtar Donetsk), Anatolii Trubin (Shakhtar Donetsk)

Difensuri: Eduard Sobol (Club Brugge), Illia Zabarnyi (Dynamo Kyiv), Serhiy Kryvtsov (Shakhtar Donetsk), Denys Popov (Dynamo Kyiv), Oleksandr Tymchyk (Dynamo Kyiv), Vitaliy Mykolenko (Dynamo Kyiv), Oleksandr Karavaev (Dynamo Kyiv), Mykola Matviyenko (Shakhtar Donetsk)

Illia Zabarnyi

Ruslan Malinovskyi

Midfielders: Serhiy Sydorchuk (Dynamo Kyiv), Ruslan Malinovskyi (Atalanta), Mykola Shaparenko (Dynamo Kyiv), Marlos (Shakhtar Donetsk), Yevhen Makarenko (Kortrijk), Oleksandr Zinchenko (Manchester City), Viktor Tsygankov (Dynamo Kyiv), Taras Stepanenko (Shakhtar Donetsk), Andriy Yarmolenko (West Ham), Oleksandr Zubkov (Ferencvaros), Heorhii Sudakov (Shakhtar Donetsk), Roman Bezus (Gent)

Attakkanti: Roman Yaremchuk (Gent), Artem Besedin (Dynamo Kyiv), Artem Dovbyk (Dnipro-1)

Roman Yaremchuk