Lokali

Awguri Bernard

It-8 ta’ Ġunju – ġurnata speċjali għall-Kap tal-PN – Bernard Grech jiċċelebra għeluq sninu, hekk kif għalaq 50 sena. Bernard Grech twieled Raħal Ġdid fit-8 ta’ Ġunju 1971. Miżżewweġ lil AnneMarie u jgħixu l-Mosta. Huma għandhom żewġt itfal: Neil u Maria.

AnneMarie u t-tfal wasslu l-messaġġ tagħhom lil Bernard Grech waqt il-maratona ġbir ta’ fondi li saret fid-Dar Ċentrali lejliet jum għeluq sninu. Fost il-ħafna awguri li rċieva Bernard Grech fuq il-media sojali kien hemm awguri speċjali mit-tifla tiegħu Maria. Hi stqarret li anke fl-irwol ta’ Kap tal-PN, Bernard Grech xorta jirnexxilu jżomm kuntatt u relazzjoni tajba mal-familja. Maria spjegat kemm tħossha trankwilla u kalma illi taf li missierha dejjem hemm għaliha. Dan filwaqt li rrigrazjatu tal-valuri li sawwar fiha.

Bernard Grech kien ilu snin iservi bħala avukat qabel ma daħal fil-politika. Kien fit-3 ta’ Ottubru 2020 illi ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, u sussegwentament Kap tal-Oppożizzjoni. Fi tfulitu hu segwa l-edukazzjoni sekondarja u ħa l-formazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwigi. Umbagħad iggradwa mill-Università ta’ Malta bħala Avukat fl-1995. Għal diversi snin ħadem fil-volontarjat maż-żgħażagħ, il-persuni bi bżonnijiet speċjali u l-Malta Community Chest Fund. Flimkien ma’ AnneMarie kienu jagħtu l-korsijiet lil koppji li kienu se jiżżewġu mal-Moviment ta’ Kana. Kien ukoll l-Avukat tal-Malta Football Referees Association u hu l-President Onorarju tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru ta’ Birżebbuġa, fejn għex parti minn tfulitu. Għal xi żmien, Bernard Grech kien ukoll Visiting Lecturer fl-Università ta’ Malta.