Għawdex Lokali

Il-CareMalta Group se jifrex is-servizzi tiegħu f’Għawdex

Accept Analitiċi cookies to view the content.
Studju mal-Università biex jistabilixxi bżonnijiet soċjali preżenti u fil-futur

Il-CareMalta Group ffirma ftehim għal 65 sena mas-Soċjetà Filarmonika La Stella għal proprjetà fir-Rabat Għawdex sabiex tiġi żviluppata f’faċilita ta’ 60 sodda fil-qalba tal-komunità. Dan hu tragward importanti għall-grupp, li bi ħsiebu jestendi s-servizzi li joffri għall-ewwel darba f’Għawdex.

Magħrufa bħala Astra Discotheque fl-aqwa tagħha, il-proprjetà, mibnija f’għamla ta’ torri, tinstab taħt iċ-Ċittadella, wara t-Teatru Astra. Inawgurata mill-Ministru għal-Għawdex, Anton Tabone, fl-1989, mal-medda taż-żmien biddlet isimha, l-ewwel għal Planet Discotheque u aktar tard għal KU Club, li għalaq il-bibien fl-2019.

Waqt ċerimonja li saret fiċ-Ċittadella nhar il-5 ta’ Ġunju, Nazzareno Vassallo, chairman tal-Vassallo Group, li qed jiċċelebra il-75 anniversarju din is-sena, qal: “Il-grupp tagħna kien ilu jħares lejn is-suq Għawdxi għal żmien twil. Meta saritilna l-offerta ħadnieha, żorna s-sit malajr u, wara valutazzjoni tal-bidliet u estensjoni li għandhom bżonn isiru fil-binja, iddeċidejna li nieħdu din l-opportunità.”

“Il-viżjoni tagħna għal Għawdex kienet dejjem waħda li nfittxu post fil-qalba tal-komunità, fejn is-servizzi speċjalizzati li noffru jkunu aċċessibbli għal kulħadd, mdawwar bl-amenitajiet kollha. Dan is-sit, li qiegħed taħt iċ-Ċittadella, post storiku u straordinarju, huwa l-post perfett – ’l bogħod mill-istorbju iżda fl-istess ħin fiċ-ċentru tar-Rabat.

“Filwaqt li nispera illi jirnexxielna nittrasformaw dan il-bini mhux użat f’faċilità li tkun tista’ sservi l-komunità fis-snin li ġejjin, inħossni ħerqan ħafna li dan il-proġett iseħħ.”

Natalie Briffa Farrugia, il-kap eżekuttiv tal-CareMalta Group, qalet li l-kumpanija, mill-bidu tagħha fl-1993 kompliet tavvanza tul iż-żmien. Saħansitra kabbret il-preżenza tagħha fis-suq tal-kura billi ddiversifikat is-servizzi li toffri.

“Ikkummissjonajna wkoll studju li se jsir mal-Università ta’ Malta, sabiex insiru nafu aktar il-bżonnijiet soċjali ġo Għawdex, kemm fil-preżent u dawk tal-futur.”

Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà tal-Ħarsien Soċjali fl-Università u li se jmexxi dan l-istudju, faħħar din l-inizjattiva li l-għan tagħha huwa li tistħarreġ u tipprova tifhem aktar il-bżonnijiet tal-komunità f’Għawdex.

“Huwa biss minn eżerċizzji bħal dan li nkunu nistgħu nservu l-komunitajiet tagħna kif suppost,” huwa qal.

Michael Formosa, il-president tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u tat-Teatru Astra, espressa s-sodisfazzjon tiegħu li ntlaħaq dan il-ftehim ma’ grupp sod u ta’ kalibru tant għoli bħall-CareMalta, speċjalment meta s-soċjetà u t-teatru huma għaddejjin minn proċess ta’ tiġdid.

“Grazzi għal dan l-arranġament, din il-proprjetà ser tinbidel sabiex toffri servizz siewi lil komunità usa. Dan hu żvilupp sinjifikattiv fl-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, hekk kif bl’arranġament li ntlaħaq l-assi tagħna qed jiġu mpoġġija għal użu li hu aktar konsistenti mal-viżjoni komunitarja li tħaddan,” huwa qal.

Fost dawk li attendew iċ-ċerimonja, kien hemm James Sciriha, direttur tal-CareMalta Group, Ruben Vassallo, direttur tal-HILA, Janet Silvio, direttur eżekuttiv tal-HILA, membri oħra tal-familja Vassallo, kif ukoll uffiċċjali oħra f’karigi għolja fi ħdan il-Vassallo Group u l-CareMalta Group.