Internazzjonali

Covid-19: Rabja u inkonvenjent għat-turisti Britanniċi, bir-Renju Unit imexxi lill-Portugall għall-kategorija ‘amber’

Id-deċiżjoni tar-Renju Unit biex il-Portugall jitqiegħed f’kategorija li tindika sogru partikulari mill-coronavirus ħolqot inkonvenjent kbir – u mumenti ta’ paniku – għal ammonti sostanzjali ta’ turisti Britanniċi li qed jilmentaw mhux ftit dwar is-sitwazzjoni li spiċċaw fiha huma u jiġġieldu mal-ħin biex jirritornaw pajjiżhom.

Fil-fatt, dawk it-turisti Britanniċi li qed jirritornaw fir-Renju Unit mill-Portugall issa jridu jieħdu żewġ testijiet biex jaraw humiex ħielsa mill-Covid-19 filwaqt li jridu jqattgħu massimu ta’ għaxart ijiem fi kwarantina.

Eżempju ta’ kemm is-sitwazzjoni spiċċat ‘panikuża’ kien il-fatt li, fil-jum tal-Ħadd, kien hemm 38 titjira minn Faro – il-kapitali tar-reġjun Portugiż tal-Algarve – lejn l-ajruporti fir-Renju Unit u liema ammont kien id-doppju tat-titjiriet li wieħed is-soltu jistenna minn hemm għal ġurnata simili.

Numru ta’ nies li waslu fir-Renju Unit  mill-Portugall qalu li kienu kuntenti li ma qabżux id-deadline stabbilit u dwar il-fatt li huma evitaw il-kwarantina. Madankollu, kien hemm ukoll numru kbir ta’ turisti  li esprimew il-frustrazzjoni għall-ispejjeż li kellhom jidħlu għalihom biex ilaħħqu mad-dealine u li fissru bħala piż inġust.

Uħud minn dawn kellhom anki jaqtgħu ħesrem il-btajjel fil-Portugall biex ma jkunux suġġetti għall-kwarantina.

Fl-istess ħin, numru ta’ turisti esprimew simpatija għas-sidien tan-negozji u n-nies involuti fis-settur tat-turiżmu fil-Portugall peress li dawn ukoll kienu affettwati ħażin mid-deċiżjoni  biex pajjiżhom jispiċċa fuq il-lista ‘amber’. Dan ifisser ukoll li diversi entitajiet li jiddependu mis-settur qed jieħdu daqqa kbira ‘l isfel f’termini finanzjarji.

Sadanittant, ħafna turisti sabuha problematika biex jingħataw it-testijiet li kellhom bżonn għall-konferma li kienu ħielsa mill-Covid, qabel setgħu jitilgħu fuq l-ajruplani . Dawn it-turisti, fl-istess ħin, ilmentaw li ‘dan ma kienx it-tmiem għall-vaganza li riedu jew li kienu qed jistennew’.

Fl-aħħar sigħat, diversi kelliema għall-entitajiet konnessi mal-industrija tal-ivvjaġġar esprimew rabja sostanzjali dwar l-iżviluppi – bil-linji tal-ajru British Airways u EasyJet joħorġu messaġġi li d-deċiżjoni tar-Renju Unit biex jitfa’ lill-Portugall fil-kategorija speċifika ma kenitx ġustifikata.

Madankollu, il-Gvern tal-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson għadu jinsisti li l-miżura li ħa dwar il-Portugall kienet ġustifikata u li hi ħaġa neċessarja li l-awtoritajiet Britanniċi jkollhom il-kapaċità biex imexxu lill-pajjiżi minn kategorija għall-oħra skont il-livell ta’ periklu mill-Covid. Dan qed isir permezz ta’ sistema li tibbaża fuq sistema ta’ kuluri bħal tat-traffic lights u li tindika l-livelli ta’ periklu partikulari.

Fl-24 ta’ Ġunju il-Gvern Britanniku għandu jirrevedi l-istatus tal-Portugall u ta’ destinazzjonijiet turistiċi oħra. Iżda l-fatt li kwalunkwe pajjiż, f’xi ħin jew ieħor, jista’ jitmexxa minn kategorija pożittiva għal waħda li tissimbolizza ‘periklu’ ifisser li l-istaġun tas-sajf għandu jkun wieħed inċert għal kulmin jixtieq li jsiefer lejn u ‘il hinn mir-Renju Unit.

L-inċertezza, intant, se tkun fattur komuni wkoll għas-safar madwar l-Ewropa, speċjalment meta ħadd ma jeskludi l-possibbiltà ta’ inċidenzi ġodda ta’ varjanti tal-virus fil-ġimgħat li ġejjin.