Lokali

Fl-2020: L-Awditur Ġenerali għadda 19-il rapport lill-Parlament

Matul l-2020, 19-il rapport tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra Parlamentari wara xogħol ta’ fejda li sar mill-Uffiċċju Kostituzzjonali fi ħdan l-uffiċju tal-Awditur Ġenerali.

Dan ħareġ waqt li l-Awditur Ġenerali ppreżenta r-rapport annwali u r-rapporti finanzjarji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020. Dan ir-rapport jolqot l-isfidi li l-ħaddiema esperjenzaw matul l-pandemija tal-COVID-19.

F’diskors qasir, l-Ispeaker qal li x-xogħol li jsir f’dan l-uffiċċju jippermetti skrutinju parlamentari tan-nefqa pubblika.

Intant, ir-rapport fih taqsima ġdida fl-ewwel parti tiegħu li tagħti ħarsa ġenerali lejn l-ambjent estern li fih l-NAO opera fl-2020 u l-effetti li dan  kellu fuqu. L-avvenimenti ewlenin li affettwaw lill-Uffiċċju kienu l-pandemija COVID-19, il-finanzi pubbliċi tal-gvern, it-tranżizzjoni preżenti tas-Servizz Pubbliku għas-sistema ta’ accrual accounting; u proposti għal riforma kostituzzjonali, leġiżlattiva u istituzzjonali.