Lokali

Il-Gvern għadu marbut li jixtri l-enerġija bil-għoli – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li wara li kien nieda il-viżjoni tiegħu fi Frar li għadda għas-settur tal-enerġija ta’ Pajjiżna, u li kienu jinkludu l-introduzzjoni tat-tieni interconnector bħala sors ta’ provvista tal-enerġija, illum il-Gvern Laburista ħabbar li se jkun qiegħed jagħmel propju dan.

Kien il-Partit Nazzjonalista li f’Jannar 2020 li għadda tkellem fuq il-bżonn tal-introduzzjoni tat-tieni interconnector bħala wieħed mill-azzjonijiet meħtieġa fl-immedjat.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija mill-Kelliem għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli, Ryan Callus f’isem il-PN b’reazzjoni dwar it-tieni interconnector għal pajjiżna fejn tkompli tgħid li l-Enemalta fil-pjan tagħha Electricity Generation Plan 2006-2015 ippublikat qabel l-2013, kienet diġa ppjanat li Malta jkollha t-tieni eventwali interconnector, u allura l-aħbar tat-tieni interconnector tkompli tibni fuq il-pjan tal-Partit Nazzjonalista għall-enerġija fit-tul.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li l-Gvern laqa’ l-proposta tiegħu dwar it-tieni interconnector, jinnota li mill-mument li nxtegħlet l-Electrogas, l-interconnector preżenti tnaqqas l-użu tiegħu minn madwar 87% ghal 25%.
Dan ma jawgurax tajjeb għat-tieni interconnector, li minkejja li joffri l-irħas rati ta’ elettriku, qed ikun limitat minħabba l-kuntratt mal-Electrogas li nixtru bilfors 70% tal-enerġija bl-għoli u li Gvern Laburista rabatna għal 18-il sena.