Lokali

Imut raġel ieħor wara li nstab mitluf minn sensih f’garaxx kawża tal-exhaust

Ingliż ta’ 52 sena residenti Ħal Balzan tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei wara li għall-ħabta tas-2.30pm nstab mitluf minn sensih f’garaxx fi Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, il-Mellieħa kawża ta’ xi duħħan li kien hemm fil-garaxx stess.

Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija u ta’ tim mediku fejn mill-ewwel investigazzjonijiet juru li r-raġel kien qed jagħmel xogħol fuq xi karozzi fil-garaxx. Għal xi raġuni, il-post imtela’ bl-exhaust bil-konsegwenza li r-raġel intilef minn sensih qabel seta’ jitlob għall-għajnuna jew joħroġ mill-post.

Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Sfurtunatament, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet ftit ħin biss wara.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa, Monica Vella li ħatret inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.