Lokali

“L-affarijiet narawhom u niddeċiduhom aħna” – Silvio Schembri

Il-Ministru Silvio Schembri qed jibqa’ jiddefendi l-aġir tal-Gvern fejn jidħol is-serq mill-kontijet tad-dawl u l-ilma – serq li fi tmien snin ta’ Gvern Laburista diġà tela’ għal madwar 50 miljun ewro.

Ikkonfrontat bil-mistoqsijiet ta’ Net News, bla tlaqliq, il-Ministru wieġeb li jaqbel mat-tmexxija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Iżda Silvio Schembri naqas milli jgħidilna għaliex żammew dan is-serq għaddej, meta suppost kellu jiġi irranġat fl-2019.

Minkejja li fl-2018 Joseph Muscat kien wiegħed li se jirranġa l-anomaliji li jeżistu fil-kontijiet, Gvernijiet Laburisti, kemm taħtu kif ukoll taħt il-Prim Ministru attwali Robert Abela, baqgħu jibgħatu kontijiet ħżiena, b’konsegwenza li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas iktar għall-inkompetenza tal-Gvern.

Intant, Net News jista’ jikkonferma wkoll li l-Gvern Laburista għadu ma ppreżentax il-pjan ta’ irkupru ekonomiku lill-Unjoni Ewropea. Mistoqsi dwar meta dan il-pjan se jkun ippreżentat, il-Ministru Schembri ghazel mill-gdid li jattakka b’mod partiggjan.

Mill-istat membri tal-Unjoni Ewropea huma biss ftit il-pajjiżi li għandhom ma ppreżentawx il-pjan ta’ rkupru ekonomiku mill-pandemija tal-COVID-19; pjan li huwa kruċjali biex il-pajjiżi membri jibbenefikaw minn miljuni kbar f’għajnuniet diretti mill-UE.