Lokali

L-Ombudsman jiddikjara li l-promotions fl-AFM kienu “illegali”

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Wara li l-Lejber tela’ fil-Gvern fl-2013 saru numru ta’ manuvri fl-armata li ħafna jiddeskrivu bħala oxxeni. Illum, 8 snin wara, rapport tal-Ombudsman jikkonferma li dawn il-promozzjonijiet kienu illegali.

Dawn il-manuvri u promotions illegali wasslu biex twarrbu nies ta’ ħila u kompetenza fl-AFM, filwaqt li oħrajn raw is-salarju tagħhom jiżdied għad-detriment ta’ sħabhom li kellhom ħafna aktar esperjenza.

Dan ir-rapport tal-Ombudsman, illi ġie żvelat mit-Times, jitfa’ dawl fuq dak li seħħ mill-2013 ‘l hawn fiż-żmien meta l-Ministru responsabbli kien Manwel Mallia. Il-proċess li kien skatta f’dak il-perijodu kien “maħdum bizzilla” biex jiġu promossi nies partikolari – u huwa propju għalhekk li l-Ombudsman sejjaħlu diskriminatorju u illegali.

F’dan il-perijodu, il-Brigadier Jeffrey Curmi (ritratt) kien ingħata erba’ promotions f’daqqa. U minn Maġġur spara ‘l fuq f’temp ta’ ftit xhur biex ingħata f’idejh it-tmexxija tal-armata.

L-Ombudsman kien qed jiddeċiedi fuq ilment illi kien tressaq dak iż-żmien mil-logotenenti kurunelli Karl Sammut, Albert Brincat, Ian Ruggier u Mario Borg, li eventwalment kien telqu mill-AFM.