Lokali

Messaġġ biex il-prostituzzjoni ma tkunx legalizzata

ILLEJLA: 8:45pm - NEWSROOM fuq Net Television - Intervista ma' Romina Lopez

Messaġġ ċar biex il-prostituzzjoni ma tkunx legalizzata jew dekriminalizzata – Dan ħareġ minn stharrig xjentifiku li sar fi Frar li għadda mill-Malta Women’s Lobby bis-sapport tal-European Women’s Lobby u 45 organizzazzjoni – survey dwar li ffoka fuq l-industrija tal-prostituzzjoni. Minn dan is-survey toħroġ statisistika interessanti dwar kif jaħsibha l-poplu Malti u Għawdxi dwar il-prostituzzjoni.

96% jemmnu li l-prostituzzjoni ġġib riskji ta’ ħsara fiżika.

98% jemmnu li ġġib riskji ta’ vjolenza sesswali.

99% jemmnu li l-prostituzzjoni titfa lill-individwu f’riskju ta’ mard li jiġi trażmess sesswalment.

U 97% jemmnu li l-prostituzzjoni ġġib riskji ta’ trawma mentali. Apparti din il-maġġoranza assoluta li wieġbu b’dan il-mod, statistika uffiċjali turi li 2 minn kull tliet prostituti rrapurtaw problemi ta’ saħħa mentali severi daqs persuni li jkunu qattgħu żmien jiġġieldu fil-gwerra.

In-normalizzazzjoni tal-prostituzzjoni tagħmel ħsara lill-pajjiż u tagħmel biss ġid lill-kriminalità organizzata. Kważi 3 minn kull 4 Maltin jaħsbu li l-legalizzazzjoni tal-protituzzjoni tagħmilha faċli biex jikbru reati marbuta ma’ ħasil ta’ flus, traffikar tal-persuni u drogi.

80% jemmnu li l-vjolenza domestika, speċjalment fuq it-tfaljiet tiżdied jekk tkun legalizzata l-prostituzzjoni dan filwaqt li 81% saħqu li l-prostituzzjoni ġġielhom iħossuhom inqas sikuri fi djarhom għaliex legalizzazzjoni tfisser li l-prostituzzjoni tkun tista’ ssir kullimkien, saħansittra fl-istess blokka appartamenti li wieħed ikun jgħix fiha.

Il-Maltin ma jridux li din l-industrija tespandi. 72% saħqu li l-prostituzzjoni hija forma ta’ vjolenza domestika. 75% jemmnu li l-impatt soċjali huwa wieħed negattiv.

93% jemmnu li l-Gvern għandu jipprovdi sapport biex persuni maqbuda fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni joħorġu minnha. Dan filwaqt li 89% jaqblu li l-Gvern jagħti għajnuna u għarfien biex ħadd ma jidħol fiċ-ċirku.

Waqt konferanza tal-aħbarijiet, il-Lettur fl-Universita ta’ Malta Anna Borg, f’isem Malta Women’s Lobby spjegat li din l-istatistika u d-dettalji kollha tagħha intbgħatu lill-Prim Ministru Robert Abela fejn saret talba għal laqgħa izda sal-lum, Robert Abela għadu ma weġibx u wisq anqas offra data biex issir din il-laqgħa.

ILLEJLA: Waqt il-programm NEWSROOM fuq Net Television – Intervista ma’ Romina Lopez dwar dan is-suġġett. NEWSROOM jibda fid-8:45pm.